‘Il-politiċi għandhom jagħtu prijorita’ liż-żwieġ u l-familja’ – Il-Kummissjoni Djoċesana Ġustizzja u Paċi

F’memorandum dwar l-Elezzjoni Ġenerali, il-Kummissjoni Djoċesana Ġustizzja u Paċi tgħid li l-politiċi għandhom jagħtu prijorita’ liż-żwieġ u l-familja.

Il-Kummissjoni Djoċesana Ġustizzja u Paċi, iċ-Ċentru Fidi u Ġustizzja tal-Ġiżwiti u l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Millenium Chapel jgħidu li l-aktar għażla importanti li l-poplu jistenna li l-politiċi jagħmlu fi żmien meta l-ħajja tal-familja tinsab f’riskju li tisfaxxa minn mument għall-ieħor, bi ħsara partikolarment għat-tfal, hija li ż-żwieġ u l-familja tassew jingħataw prijorità. Huma isejħu għal miżuri li jgħinu lill-koppji jaqdu d-doveri tax-xogħol tagħhom u fl-istess ħin ikomplu jwettqu r-responsabbiltajiet matrimonjali u familjari tagħhom.

Isemmu li l-ekonomija għandha tkun tħares l-ambjent u tkun għas-servizz tal-bniedem. Dan billi l-politika toħloq spazju għal qligħ ġust u tħajjar investiment barrani imma wkoll tħares l-interessi leġittimi ta’ kull persuna.

Il-Kummissjoni tispjega li qed tressaq dawn ir-riflessjonijiet fid-dawl tat-tagħlim soċjali tal-Knisja li jisħaq fuq id-dmir li wieħed jivvota.

Titkellem fost l-oħrajn dwar l-edukazzjoni, il-qasam soċjali u l-ġid komuni. Il-Kummissjoni Djoċesana Ġustizzja u Paċi tgħid li elezzjoni generali mhijiex taqbida jewtellieqa bejn il-partiti jew individwi imma opportunità għall-poplu biex jesprimi ruħu u jiddeċiedi fuq liema linji jrid li jitmexxa l-pajjiż. Tgħid li l-poplu jistenna, iżda, li l-wegħdiet jinżammu, għaliex b’dan il-mod biss tista’ tissaħħaħ il-fiduċja fl-istituzzjonijiet.

Il-Kummmissjoni ttemm ir-riflessjonijiet tagħha billi tgħid li filwaqt li r-rappreżentanti tal-poplu fil-Parlament jixirqilhom ir-rispett ta’ kulħadd, dawn għandhom jagħrfu li l-pożizzjoni privileġġjata tagħhom hija mislufa lilhom u titlob servizz tal-ogħla livell.

Aqra l-memorandum: http://maltadiocese.org/news/memorandum-by-the-diocesan-commission-for-justice-and-peace-about-the-general-election-2013memorandum-tal-kummissjoni-djocesana-gustizzja-u-paci-dwar-l-elezzjoni-generali-2013/