Il-politiċi f’Malta qed jindaħlu fl-infurzar tal-liġi – rapport

Read in English.

F’Malta l-politiċi jindaħlu b’mod sistematiku fl-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, skont rapport dwar il-korruzzjoni li hemm fil-pajjiż.

Ir-rapport li tħejja minn riċerkatur f’Università f’Pisa ġie ppubblikat f’ġurnal dwar il-kriminalità organizzata. Ir-rapport jgħid li Malta saret ċentru tal-kriminalità. Intqal li hemm rabta allarmanti bejn ekonomiji mhux regolati, il-korruzzjoni, u l-għajnuna mill-ħbieb tal-ħbieb.

Skont l-artiklu, mill-Indipendenza ‘l hawn, Malta ma nvestietx fl-iżvilupp ta’ struttura ta’ infurzar tal-liġi effiċjenti. Osservaturi lokali qalu li s-settur tas-sigurtà għandu nuqqas ta’ nies u riżorsi. Dan mhux biżżejjed biex jiġi miġġieled it-theddid għas-sigurtà mir-reġjun tal-madwar.

Ir-rapport jgħid li Malta tipprovdi post attraenti għall-kriminalità organizzata. Għalfejn?

  • Flus illeċiti li ma jkunux jistgħu jidħlu fis-suq Ewropew jiffokaw fuq Malta biex jippruvaw jidħlu fl-Unjoni Ewropea
  • Il-provvista internazzjonali tilħaq il-bżonnijiet lokali ta’ intraprendituri politiċi li jridu jespandu l-lista ta’ klijenti tagħhom
  • Nies lokali li jużaw it-theddid u l-vjolenza biex jaħdmu jassiguraw li tranżazzjonijiet dubjużi jkunu protetti mill-indħil tal-awtoritajiet

Ir-rapport isemmi erba’ oqsma ta’ ekonomiji extra-legal:

  • L-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment
  • L-industrija tal-gaming
  • It-traffikar ta’ fjuwil tal-kuntrabandu mil-Libja
  • Il-ħasil tal-flus b’rabta ma’ Pilatus Bank

Ir-rapport jgħid li biex wieħed jixtri passaport, wieħed ikun irid jagħmel investimenti ta’ madwar €1.5 miljun fil-gżira. Aktar minn elf persuna akkwistaw passaporti Malti permezz tal-iskema ta’ ċittadinanza li bdiet fl-2014. L-iskema daħħlet madwar €2 biljun fi profitti. Dan jammonta għal aktar minn 15% tal-Prodott Gross Domestiku (GDP).

Henley and Partners allegatament daħħlet madwar €20 miljun fi profitti. Intqal ukoll li hemm politiċi Maltin li l-karriera tagħhom ġiet dipendenti fuq il-profitti tal-industrija tal-passaporrti.

Ir-rapport fakkar kif is-settur tal-gaming beda fl-2004 meta l-PM ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi (PN) introduċa l-ewwel regolamenti tal-online gaming fl-Unjoni Ewropea. Fl-2018 is-settur kien jiswa €1.2 biljun u kien jimpjega aktar minn 8,000 persuna fuq il-gżira.

Diversi gruppi kriminali ppruvaw jieħdu vantaġġ mir-regolamenti laxki u ppruvaw jużaw kumpaniji tal-betting ibbażati f’Malta biex jippruvaw jieħdu l-kontroll tat-territorji. Intqal li l-logħob tal-ażżard jiġġenera għexieren ta’ miljuni ta’ ewro illeċiti fis-sena.

X’ikkonkluda r-rapport?

Hemm rabtiet bejn il-flus li jgħaddu minn sistemi ‘l barra mil-liġi u s-shadow state governance li ilhom Malta fl-aħħar 15-il sena.

Il-ħtif ta’ ċertu riżorsi ekonomiċi jista’ jgħin biex ikollhom aktar saħħa dawk li jkunu fil-poter permezz tal-provvista ta’ servizzi pubbliċi, welfare, u xogħlijiet. Hemm ukoll indħil politiku sistematiku fl-awtoritajiet tal-infruzar tal-liġi biex ċertu tranżazzjonijiet jiġu protetti.

Ir-rapport tħejja mir-Riċerkatur Luca Raineri. Ġie ppubblikat fil-European Review of Organised Crime.