“Il-politiċi bi ftit tort għall-biża’ fost ir-residenti tal-Marsa” – Beppe Fenech Adami

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami stqarr li l-politiċi għandhom ftit tort għall-biża’ li jgħixu fiha r-residenti tal-Marsa, minħabba ċ-Ċentru Miftuħ.
Fil-Parlament, waqt id-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar ir-Refuġjati, Fenech Adami saħaq dwar in-nuqqas ta’ liġijiet b’rabta mal-influss tal-immigranti.
Beppe Fenech Adami sostna li r-residenti tal-Marsa ma kinux ippreparati minn qabel għat-tibdil fil-lokalità tagħhom. Tefa’ t-tort fuq il-politiċi li ma kinux għaqlin biżżejjed biex jgħallmu u jħejju n-nies għal din is-sitwazzjoni.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal ukoll li mhux aċċettabbli għall-Oppożizzjoni, li ħafna barranin f’Malta skaditilhom il-viża jew qed jaħdmu b’mod illegali.
“Taħriġ dwar l-immigranti għall-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija” – Ċensu Galea
Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Ċensu Galea stqarr li minbarra li nippruvaw nintegraw lill-immigranti fil-komunitajiet tagħna, il-problema trid tiġi indirizzata mill-għeruq tagħha.
Irrefera għall-wegħda tal-baġit sena u nofs ilu, dwar l-immigranti jistennew ħdejn ir-roundabout tal-Marsa. Stqarr li sal-lum stess għadd kbir ta’ persuni kienu mar-roundabout b’barżakka fuq daharhom, jistennew lil xi ħadd jagħtihom ġurnata xogħol.
Semma wkoll il-frustrazzjoni tar-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa, minħabba iċ-ċentru ta’ Ħal Far.
Ċensu Galea insista li l-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija għandhom jingħataw taħriġ partikolari dwar kif jikkontrollaw sitwazzjonijiet li jkunu involuti fihom dawn il-persuni.
"Preżenza qawwija tal-Pulizija qrib iċ-ċentri miftuħa" – Carmelo Abela
F’għeluq id-dibattitu, il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela stqarr li l-emendi proposti fl-abbozz huma żgħar.
Żied jgħid li qed ikun hemm preżenza qawwija tal-Pulizija qrib iċ-ċentri miftuħa, speċjalment fi tmiem il-ġimgħa. Qal ukoll li l-Gvern qed jagħmel li jista’ permezz tal-Jobs+ biex tinqered is-sitwazzjoni fir-roundabout tal-Marsa.
Carmelo Abela saħaq li fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa hemm 112-il immigrant filwaqt li f’Ħal Balzan hemm 104. Spjega li d-differenza tar-realtà fil-lokalitajiet tista’ tkun dwar il-mod kif jieħdu ħsiebhom jew inkella d-diffikultajiet fil-Marsa.
Il-Ministru Abela stqarr li Gvern Nazzjonalista falla f’dak li hu relatat mal-immigrazzjoni u li s-sitwazzjoni fil-Marsa ma faqqsitx fl-aħħar erba’ snin.