Il-PN x’qed jipproponi dwar il-kanċer?

Luke Zerafa

Il-Membru tal-Parlament Ewropew u kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-PE f’Mejju li ġej, Francis Zammit Dimech, saħaq li l-Partit Nazzjonalista fassal 30 proposta biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kanċer.

Wara żjara fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija, Zammit Dimech qal li dan jista’ jsir billi jingħaqdu flimkien ir-riżorsi kollha fl-Ewropa, inkluż l-għerf u s-sejbiet tar-riċerkaturi .

L-MEP, li huwa wkoll membru tal-grupp tal-MEPs kontra l-kanċer, qal li dan il-pjan jinkludi :

  • strateġija Ewropea biex tittejjeb il-prevenzjoni,
  • strateġija biex tittejjeb id-dijanjosi tal-kanċer fi stadju bikri,
  • investiment kbir fir-riċerka tal-kanċer inkluż dak li jolqot it-tfal,
  • u għajnuna lill-pazjenti kemm waqt it-terapija kif ukoll wara li jegħlbu l-kanċer.

Irrimarka li permezz tal-Unjoni Ewropea, il-PN kien irnexxielu joffri lill-poplu Malti ċentru tal-onkoloġija tal-ogħla kwalità.

Zammit Dimech irrefera wkoll għall-manifest elettorali tal-PN, li fih qed jiġi propost:

  • skambju ta’ informazzjoni,
  • titjib fil-prevenzjoni tal-kanċer permezz ta’ programmi ta’ screening,
  • investiment akbar fir-riċerka tal-kanċer,
  • aċċessibilità akbar tal-ehealth,
  • u li jkun assigurat kwalità tajba tal-ikel fis-suq u implimentazzjoni fil-ħin tal-iskema tal-frott u ħaxix li jitqassam b’xejn fl-iskejjel.

“Raġel jaqla’ €100, mara €88” – Claudette Buttigieg

Intant, il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista dwar id-Drittijiet Indaqs Claudette Buttigieg u l-kandidata għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight saħqu li taħt Gvern Laburista, li rreferew għalih bħala Gvern Soċjalista, il-mara Maltija spiċċat l-agħar fl-Ewropa.

Claudette Buttigieg

F’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, Buttigieg u Borg Knight ikkwotaw statistika tal-Eurostat li turi li l-għadd ta’ nisa li jaħdmu f’Malta hu tant ħażin li hu l-agħar fl-Ewropa.  Buttigieg semmiet li hemm ukoll id-differenza fil-paga li telgħet għal kważi 12%. “Dan ifisser li meta raġel Malti jaqla’ €100, għall-istess xogħol u livell, mara Maltija taqla’ €88.

Għall-istess konferenza kien hemm preżenti il-kandidata għall-elezzjoni lokali f’Santa Venera Courtney Farrugia, il-kandidata għall-elezzjoni lokali fl-Imġarr Onishia Muscat u l-kandidata għall-elezzjoni lokali fil-Ħamrun Louise Portelli (Tedesco).

Iwieġbu n-Nisa Laburisti

Aktar mill-kampanja elettorali llum: