Il-PN u l-PL ma jaqblux dwar min salva l-art f’Bulebel

Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista (PN) qed jinsisiti li kien hu li salva l-art f’Bulebel milli tiġi żviluppata, kif ukoll il-bdiewa li jaħdmuha, il-Partit Laburista (PL) sostna li kien hu li verament salva lil dawn il-bdiewa minn deċiżjonijiet li ttieħdu meta l-PN kien fil-Gvern
Il-PN saħaq li l-bdiewa ta’ Bulebel għadhom imdendlin hekk kif minkejja li l-Gvern qal li se jsalva din l-art agrikola u xi artijiet oħra tal-madwar, l-avviżi ta’ żgumbrament lill-bdiewa għadhom ma ġewx irtirati.
Fi stqarrijja mill-PN, il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Biedja, Edwin Vassallo, flimkien mal-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, Jason Azzopardi qalu li dan ifisser li l-Prim Ministru Joseph Muscat mhux vera jrid isalva l-art agrikola f’Bulebel.
Fl-istqarrija komplew jgħidu li l-PN se jibqa’ jkun ta’ sapport għall-bdiewa f’Bulebel u se jibqa’ jfakkar lill-Gvern sabiex iwettaq dak li wiegħed.
Semmew ukoll li l-Gvern ħa azzjoni wara li l-Kap tal-PN Adrian Delia żar lill-bdiewa fl-inħawi li kienu se jiġu żviluppati, hekk kif sostnew li ftit wara l-Prim Ministru ħabbar li mhux talli mhux se tintuża din iż-żona, iżda li se jara li lanqas ma tintuża madwar 25% oħra tal-art li kienet identifikata għall-iżvilupp f'Bulebel.
“Il-Gvern salva lill-bdiewa ta’ Bulebel mid-deċiżjoni ta’ Jason Azzopardi”
B’risposta għal dak li qal il-PN, il-PL sostna li kien hu li ħares lejn l-interessi tal-bdiewa wara li kkonsulta u ħa d-deċiżjoni li ma jsirx żvilupp f’Wied iż-Żrinġ. Deċiżjoni li saħqu li kienet waħda ta’ Gvern Nazzjonalista u ta’ Azzopardi li qalu li kienu allokaw din il-medda ta’ art biex tintuża għal żvilupp ta fabbriki.
Fi stqarrija rrimarkaw li xejn ma jista’ jħassar il-fatt li kien Azzopardi li ppreżenta l-avviż legali, u għaldaqstant jemmnu li s-serħan tal-moħħ ingħata mill-PL.
Ritratt: Ian Noel Pace