Il-PN u l-PL jgħidu tagħhom dwar il-fuel, is-Central Link, u sfruttament tal-barranin

Read in English.

F’sensiela ta’ stqarrijiet fi ftit sigħat, il-PN tkellem dwar iż-żieda fil-prezz tal-fuel, dwar il-każ tal-150 persuna li nstabu jgħixu fi blokka appartamenti f’Buġibba, u dwar il-proġett tas-Central Link. Il-Partit Laburista ħareġ stqarrijiet min-naħa tiegħu biex jirrispondi għal dak li kiteb il-PN.

Il-PN qal li l-Gvern minflok jara kif se jindirizza ż-żieda żejda fil-prezz tal-fuel qed jipprova jnessi din “it-taxxa ġdida billi jinjora t-talba tal-UĦM biex isir dibattitu fl-MCESD.

Il-fuel jogħla u ż-żejt jorħos – PN; irħas mill-medja Ewropea – PL

Il-PN fakkar li din kienet it-tieni sena konsekuttiva li fiha għola l-prezz  tal-fuel – fuq medda ta’ sentejn żdied b’10ċ kull litru. “Dan meta l-prezz internazzjonali taż-żejt ra tnaqqis ‘l isfel,” qal il-PN.

Il-PN qal li meta l-press raħas b’1ċ il-Gvern ħareġ b’pompa jagħmel konferenza tal-aħbarijiet imma li ma għamilx dan issa li l-prezz żdied. Fi kliem il-PN, il-Gvern stess qed jgħabbi lill-familji bil-piżijiet.

Fi stqarrija f’risposta għal dik tal-PN, il-PL qal li d-diskussjonijiet li jsiru huma pregorattiva tal-istess MCESD.

Fi kliem il-PL, iż-żieda fil-prezzijiet li ġew imħabbra minħabba l-prezzijiet internazzjonali taż-żejt xorta waħda jibqgħu rħas mill-medja Ewropea.

“Minn meta nbidel il-Gvern fl-2013, il-prezz tal-petrol u d-diesel naqas b’10ċ u bi 12ċ rispettivament. Dan huwa tnaqqis ta’ 7% fil-prezz tal-petrol u tnaqqis ta’ 9% fil-prezz tad-diesel.”

Każijiet bħal dawn għandhom bżonn kundanna nazzjonali – PN; il-PN bla kontroll fuqu nnifsu – PL

Fi stqarrija oħra l-PN irrefera għall-każ li fih instabu madwar 150 persuna fi blokka ta’ appartamenti f’Buġibba “f’kundizzjonijiet diżumani”.

“Dan mhux l-ewwel każ, u sfortunatament kellna numru sew ta’ persuni li nġiebu f’pajjiżna mingħajr ebda forma ta’ kontroll jew attenzjoni sabiex jaħdmu, li tħallew jgħixu f’dawn il-proprjetajiet.”

Skont il-PN il-kwantità ta’ każijiet u l-ammont kbir ta’ barranin li għax ma jistgħux jsibu fejn jgħixu u jorqdu qed jidħlu f’postijiet bħal dawn, għandha ġġib kundanna nazzjonali.

“Mhux biss, fis-soċjetà tax-xejn mhu xejn qiegħed jiġi permess abbuż mill-iktar gravi ta’ ħlasijiet qawwija lil dawn l-ħaddiema li qed jigu sfruttati.”

Il-PN talab biex “urġentement jiġi investigat x’inhuwa jiġri fil-pajjiż.” Qal li dawn il-persuni, ladarba nġiebu mill-Gvern, ħaqqhom dinjità,  protezzjoni u ġustizzja soċjali kontra kull sfruttament.

Ritratti: Il-Pulizija żgassaw biex jidħlu; Il-Qorti twaqqaf tas-Saħħa Pubblika milli jissiġillaw il-Paloma Hotel

F’risposta, il-Partit Laburista qal li huwa ironiku li min ma kienx kapaċi jikseb kontroll ta’ grupp ta’ 27 ruħ fi ħdanu jrid jitkellem fuq il-kontroll tal-pajjiż.

“Dan billi saħansitra juża ċirkostanzi li jekk xejn huma l-ikbar xhieda ta’ kemm il-forzi tal-ordni u awtoritajiet oħra jaġixxu kull fejn u kull meta jkun hemm il-ħtieġa.”

Skont il-PL, il-lingwaġġ tal-Partit Nazzjonalista huwa lingwaġġ inkonsistenti.  “Mhux ta’ b’xejn li fl-aħħar jiem anke fuq is-suġġett tal-immigrazzjoni l-fazzjonijiet differenti fil-PN spiċċaw jagħtu ma’ xulxin.”

Oppożizzjoni unanima kontra s-Central Link – PN; iktar siġar milli hemm illum – PL

Il-PN tkellem ukoll dwar il-proġett tas-Central Link.

Il-PN qal li l-Gvern għandu jagħti widen l-oppożizzjoni unanima għall-proġett inkluż tal-Partit Nazzjonalista, tar-residenti u tal-għaqdiet ambjentali u jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proġett tas-Central Link.

Fi kliem il-PN, il-proġett ifisser il-qerda ta’ 50,000 metru kwadru ta’ art agrikola u open spaces flimkien ma’ kważi 500 siġra.

“Il-Gvern tant ma jimpurtaħx mill-ambjent, l-għaqdiet, r-residenti kif ukoll il-bdiewa, li ċ-Chairman tal-ERA Victor Axiak, li ħatar hu stess, ivvota favur dan il-proġett meta kellu d-dover li jħares l-interess ambjentali. Qed joħroġ biċ-ċar li dan il-Gvern ma jimpurtaħx mill-ambjent iżda għandu ossesjoni biss biex jaqla’ s-siġar. Dan meta pajjiżna għandu fost l-agħar kwalità tal-arja fl-Ewropa, u meta pajjiżna qed jara żieda fil-problemi respiratorji.”

Fi stqarrija, il-PL qal li l-istqarrija tal-PN dwar is-Central Link “hija ffirmata minn tliet deputati membri tal-aħħar Gvern Nazzjonalista jagħmilha waħda mingħajr ebda kredibbiltà. David Agius, Jason Azzopardi u Edwin Vassallo kienu lkoll parti mill-gvern li ried Centra Link Project b’effett ikbar fuq l-ambjent.”

Skont il-PL, il-proġett tas-Central Link, kif propost illum, huwa ambjentalment iktar sostenibbli għax naqqas l-art agrikola użata u iktar minn hekk fi tmiem tiegħu se jkun hemm iktar siġar milli hemm illum.

Il-PL qal ukoll li Toni Bezzina, deputat ieħor li iffirma l-istqarrija nqabad li ried jaqla’ s-siġar biex jibni villa għalih.