Il-PN u l-MUBE jisħqu l-importanza li Malta tgħaddi t-test tal-Moneyval

PN-Photo-MUBE

Il-kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u l-president tal-Malta Union of Bank Employees William Portelli it-tnejn insistew fuq l-importanza li Malta tgħaddi mill-eżami importanti tal-Moneyval f’laqgħa li saret nhar it-Tnejn.

Delegazzjoni tal-MUBE mmexxija minn Portelli ltaqgħet ma’ delegazzjoni tal-partit li kienet tinkludi lil Grech, id-deputati Mario de Marco, Claudio Grech u Kristy Debono u l-kunsillier Jerome Caruana Cilia.

Portelli emfasizza li s-settur bankarju f’Malta kien wieħed b’saħħtu u mutur għall-ekonomija ta’ Malta, iżda wieħed li kien qed jaffaċċja diffikultajiet partikolari f’dawn iż-zminijiet. Qal li l-ħaddiema tas-settur jifhmu l-importanza tal-korrettezza, l-integrità u l-kontabbiltà u għalhekk kien importanti li Malta tgħaddi mill-iskrutinju, partikolarment dak tal-Moneyval.

Grech, min-naħa tiegħu, qal li l-PN jemmen li “jekk is-settur bankarju f’pajjiżna jimxi ‘l quddiem, jimxi ‘l quddiem il-pajjiż kollu. Għalhekk jeħtieġ li ngħaddu mill-eżami importanti tal-Moneyval u li pajjiżna jerġa’ jakkwista reputazzjoni tajba.”

Żied ukoll li l-partit ried jisma’ u jagħraf id-diffikultajiet li qed jaffaċċja s-settur, fi żmien fejn l-eżami tal-Moneyval jista’ jkollu impatt kbir. Għalhekk, skont Grech, il-PN kien qed jagħti importanza kbira kemm lil dan is-settur kif ukoll lir-reputazzjoni ta’ Malta.