Il-PN tal-Mellieħa b’appell lil Delia biex jipposponi l-attività tal-Ħadd

Aġġornat 10:04 PM
Il-Kumitat Sezzjonali tal-PN tal-Mellieħa f'riċeviment mal-Kap Adrian Delia.

Read in English.

Il-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista tal-Mellieħa appella lill-Kap tal-PN Adrian Delia biex jipposponi l-attività tal-Ħadd. Dan għamluh il-Ħamis li għadda b’deċiżjoni li ttieħdet waqt laqgħa tal-Kumitat stess. Il-Kumitat sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista aktar tard illejla qal li fl-ebda punt ma ttieħdet deċiżjoni biex il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ma jitħallix jattendi fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista tal-Mellieħa.

Newsbook.com.mt huwa infurmat li l-membri tal-Kumitat kienu urtati jaraw ir-reklamar għall-attività bejn il-Ġimgħa u s-Sibt fuq il-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista, fl-istess ħin li ma rċivewx risposta għall-ittra tagħhom.

Sorsi qalu lil Newsbook.com.mt li minħabba l-kriżi interna ta’ tmexxija u anki fid-dawl tar-riżenji fl-ogħla karigi tal-PN, in-Nazzjonalisti fil-Mellieħa kitbu ittra lid-diriġenti tal-Partit, inkluż lil Adrian Delia, biex l-attività tiġi posposta.

Ir-riklam ta’ din l-attività deher fil-ħarġa tas-Sibt ta’ In-Nazzjon u anki fuq Facebook ta’ Adrian Delia u tal-Viċi Kap David Agius.

Riklam fuq il-gazzetta In-Nazzjon

Sors li tkellem ma’ Newsbook.com.mt qal li ma jkunx jagħmel sens li l-Partit Nazzjonalista jorganizza attività li fiha jikkritika t-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern Laburista meta fi ħdanu għandu l-problemi.

L-istess sors kien urtat ukoll bl-aġir tal-Kap Nazzjonalista li qed juża’ l-midja biex iwassal il-messaġġ tiegħu f’nofs din il-kriżi. Stqarr li skontu kienet deċiżjoni ħażina li jmur fuq Xarabank ilbieraħ. Fl-istess waqt huwa stqarr li l-Partit Nazzjonalista għandu jnaqqas mill-viżibiltà fil-midja u jiffoka iktar fuq il-problemi interni ħalli jissaħħaħ.

Intant, dalgħodu l-Kap Nazzjonalista reġa’ uża l-midja, din id-darba r-radju tal-Partit Nazzjonalista fejn reġa’ qal li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġlu revoluzzjoni ta’ bidla fil-mentalità.