Il-PN sodisfatt bis-soluzzjoni tal-Gvern dwar l-immigranti abbord MV Salamis

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li nstabet soluzzjoni bejn il-Gvern Malti u dak Taljan fir-rigward ta’ 102 immigranti abbord l-M/V Salamis.

L-istqarrija tgħid li l-Gvern Malti ilu għal snin jiffaċċja każijiet simili bħal dak li pajjiżna ffaċċja f’dawn il-jumejn, u Gvern Nazzjonalista dejjem ħadem biex jinstabu s-soluzzjonijiet malajr kemm jista’ jkun b’rispett lejn id-dinjità tal-individwi vulnerabbli li jinsabu maqbudin f’dawn is-sitwazzjonijiet. Il-Partit Nazzjonalista jawgura li l-Gvern Malti u dak Taljan ikomplu jsibu soluzzjonijiet bejniethom bħalma ġara fil-passat.

Il-Partit Nazzjonalista tenna l-appoġġ tiegħu biex il-Gvern jikseb solidarjetà effettiva mill-Unjoni Ewropea fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari.

Il-PN qal li permezz ta’ strutturi ta’ solidarjetà aktar ċari, kwistjoni bħal tal-bieraħ setgħet faċilment tiġi konkluża ferm aktar malajr b’rispett sħiħ lejn id-dinjità ta’ kull min kien abbord l-M/V Salamis. Id-diplomazija u d-djalogu, u mhux it-tisbit tas-saqajn, huma l-aħjar mezz biex jissolvew dawn il-kwistjonijiet b’mod effettiv, ittemm tgħid l-istqarrija.