Il-PN sodisfatt b’taħdidiet ġodda dwar il-Libja

Il-Partit Nazzjonalista huwa sodisfatt bil-qbil li ntlaħaq biex aktar tard din il-ġimgħa jsiru sensiela ta’ taħdidiet dwar il-Libja taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Fi stqarrija, ix-shadow Minister għall-Affarijiet Ewropej u Barranin Roberta Metsola flimkien mal-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tal-Mediterran, qalu li dawn it-taħdidiet li se jsiru f’Ġinevra, huma opportunità importanti biex tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Libja.
Il-Partit Nazzjonalista qed iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jissieħbu fi djalogu kostruttiv għax dan hu l-uniku mezz biex tiġi żgurata l-istabbiltà fil-pajjiż.
Il-kelliema Nazzjonalisti jsostnu li d-diskussjonijiet għandhom iwasslu għal formazzjoni ta' gvern u t-tkomplija tar-riformi kostituzzjonali.
Jappellaw lill-Gvern Malti biex iżomm lill-pubbliku infurmat bis-sħiħ dwar l-iżviluppi fil-Libja u jissieħeb fl-impenn biex tinstab soluzzjoni.