Il-PN se jressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ħabbar li l-Partit Nazzjonalista se jressaq mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern.
Waqt li ndirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament, Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat tilef kull awtorità morali u politika li jmexxi lill-pajjiż u l-unika mod kif il-pajjiż jerġa’ jqum fuq saqajh hu li jkollu Gvern ta’ awtorità morali.
Reġa’ saħaq il-fatt li Konrad Mizzi huwa l-unika Ministru ta’ Gvern li deher fid-dokumenti żvelati tal-Panama Papers.
Tenna li l-Prim Ministru jrid jerfa’ r-responsabiltà hu u għalhekk għandu jirriżenja.
Il-Gvern fi stqarrija qal li se jipproponi li din il-mozzjoni tiġi diskussa fil-Parlament il-ġimgħa d-dieħla.