Il-PN se jressaq mozzjoni biex il-President jiġi elett minn 2 terzi tal-Parlament

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ħabbar li l-Oppożizzjoni se tressaq mozzjoni Parlamentari biex ikun obbligatorju li l-President tar-Repubblika jibda jinħatar u jitneħħa biż-żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Huwa qal dan fil-Parlament waqt l-approvazzjoni tal-President nominat George Vella.

Il-Parlament japprova n-nomina ta’ George Vella bħala President

Adrian Delia qal li President tar-Repubblika elett biż-żewġ terzi tal-Kamra ikollu mhux biss awtorità morali iżda wkoll poter akbar meta jiġu biex jinħatru l-kummissjonijiet li huma msemmija fil-kostituzzzjoni li fin-nuqqas ta’ qbil taż-żewġ terzi tal-Kamra jistgħu jinħatru minn President tar-Repubblika maħtur huwa nnifsu b’żewġ terzi tal-Kamra.

Delia semma li l-Oppożizzjoni kienet diġà ressqet ismijiet alternattivi għall-konsiderazzjoni meta l-Gvern ħabbar li kellu lil George Vella f’moħħu għal President.

Il-Partit Demokratiku m’attendiex għas-sessjoni tal-lejla bi protesta, peress li hu tal-fehma li l-President kellu jinħatar minn 2 terzi tal-kamra.