Il-PN se jorganizza Dimostrazzjoni Nazzjonali kontra l-Korruzzjoni

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ħabbar Dimostrazzjoni Nazzjonali kontra l-korruzzjoni.
Din se ssir nhar il-Ħadd fl-4.30pm, fi Pjazza Kastilja quddiem l-uffiċċju tal-Prim Minisru f'Kastilja.
It-tema li għażel il-Partit Nazzjonalista għal din id-dimostrazzjoni se tkun messaġġ dirett lejn il-Prim Ministru Joseph Muscat, “Jew tkeċċihom jew barra kollha”.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament, il-Kap tal-PN qal li fil-każ tal-Panama Papers, il-Ministru Konrad Mizzi huwa l-unika Ministru fil-lista ta’ nies li kellhom kumpanija fil-Panama.
Qal ukoll li minn dak li ġie żvelat sa issa, il-Ministru Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru riedu jiftħu kontijiet bankarji f’mill-inqas żewġ pajjiżi, kemm fil-Panama u anke f’Dubaj.
Saħaq li sa issa l-Pulizija Maltija għandha ma fetħitx investigazzjoni dwarhom u għalhekk, minnufih għandha tibda tinvestiga lill-Ministru Mizzi u lill-Kap tal-uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Simon Busuttil qal li l-banek m’aċċettawx li jiftħu l-kontijiet tal-Ministru Konrad Mizzi għax ma serħilhomx rashom li l-flus ġew mill-korruzzjoni.
Tenna li jidher ċar li l-Prim Ministru hu involut fil-każ għax qed jiddefendi lin-nies qrib tiegħu f’dan il-każ ta’ korruzzjoni.
Intant, fi tweġibiet lil Newsbook.com.mt, il-Korp tal-Pulizija ma weġibx dwar jekk il-Kummissarju tal-Pulizija ssejjaħx biex jinvestiga d-dokumenti żvelati dwar kumpaniji sigrieti fil-Panama.
Reazzjoni PL
Il-Partit Laburista qal li dwar it-trasparenza u l-kontabilità, il-poplu Malti u Għawdxi ma jridx biss kliem imma fatti.
Qal li dan il-Gvern daħħal liġijiet biex din it-trasparenza tiżdied permezz tal-liġijiet tal-whistleblower, tneħħija tal-preskrizzjoni u l-liġi tal-finanzjament tal-Partiti.