“Il-PN se jkun partit tal-verità u tan-nies” – Dr Simon Busuttil

Dr Simon Busuttil wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jsir partit viċin in-nies, kemm meta fl-oppożizzjoni u aktar meta jkun fil-Gvern, u qal li din trid issir parti mill-kultura tal-istess partit.
Meta kien qed jitkellem f’għeluq il-Konvenzjoni Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Dr Busuttil qal li l-Partit Laburista qed iwettaq l-aktar stil antikwat ta’ politika u għalhekk il-Partit Nazzjonalista jrid juri li tgħallem u jibni fuq dak li huwa tajjeb fosthom il-verità.
Dwar il-powerstation tal-Marsa li jintqal li hi “fabbrika tal-kanċer”, Dr Busuttil qal li l-proġett tal-powerstation hu “fabbrika tal-gideb” u għalhekk il-Partit Nazzjonalista jrid jibni fuq il-verità.
Dr Simon Busuttil qal li fil-Partit Nazzjonalista mhemmx post għal min mhux onest.
Tkellem dwar stil ġdid ta’ politika billi qal li l-preferenzi jridu jieqfu għax din hi forma ta’ inġustizzja filwaqt li sellem lil ħafna fis-settur pubbliku li qed ibatu inġustizzja.
Semma’ li l-Partit Nazzjonalista ma jistax iwiegħed “kollox lill-kulħadd bħall-Partit Laburista” iżda s-sistema tal-klijentaliżmu ma tistax tkun is-sistema t-tajba għax “aħna poplu wieħed magħqud.”
Tkellem ukoll dwar opportunitajiet għall-kulħadd u qal li s’issa wara sena u nofs ma sarux skejjel ġodda.
Dr Busuttil tkellem dwar sitwazzjonijiet vulnerabbli u qal li wara sena u nofs, il-faqar żdied.
Qal li dwar il-qasam tas-saħħa, il-Gvern mhux jagħti soluzzjonijiet ħlief li għamel “tinda għall-ebola li taret bir-riħ” u li qal li “l-kolonni tal-concrete f’Mater Dei tkissirhom b’idejk.”
Il-Kap Nazzjonalista semma diversi esperjenzi li ltaqa’ magħhom u qal li l-Partit Nazzjonalista fetaħ il-bieb għas-soċjetà Maltija, bl-ambizzjoni tal-partit hi kif int ser tgħix aħjar billi jitwettqu l-aħjar ideat.
Qal li f’25 sena ta’ Gvern Nazzjonalista saru żbalji, iżda l-poplu għandu jkun kburi b’dak kollu li sar għall-pajjiż.
Il-Kap Nazzjonalista qal li “bħalma it’s cool to be labour, min hu smart jagħżel lill-Partit Nazzjonalista.”
Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Dr Simon Busuttil sellem lil Beppe Fenech Adami u qal li hu ta’ ispirazzjoni għall-Partit Nazzjonalista.