Il-PN se jivvota kontra l-proġett tad-db – Delia

Facebook - Adrian Delia

Ir-rappreżentanta tal-Partit Nazzjonalista se tkun qed tivvota kontra l-proġett tad-db Group ħdejn il-bajja ta’ San Ġorġ waqt il-vot li se jittieħed il-Ħamis mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) skont il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

Delia qal dan waqt intervista li saritlu fuq il-Fosos tal-Furjana mill-ġurnalist tal-MaltaToday Kurt Sansone. Spjega li jidher li l-proġett propost imur kontra r-regolamenti. “Sakemm ma jinbidlux l-affarijiet b’mod drastiku li jiġu skont ir-regolamenti, nimmaġina…kważi ċert li Marthese Portelli se tivvota kontra” qal Delia. Portelli tirrappreżenta lill-PN fil-PA.

Ġbart il-firem kontra l-bejgħ tal-passaporti

Delia ġie mistoqsi wkoll dwar l-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment (IIP) – jiġifieri l-bejgħ tal-passaporti Maltin. Delia qal li qabel ma daħal għal politika, kien ġabar 5,000 firem kontra l-leġiżlazzjoni relevanti. Qal li jekk jitla’ fil-Gvern se jneħħi l-iskema u jattira “aktar investiment b’għaqal” lejn Malta.

Delia saħaq li huwa kontra l-vjolenza domestika. Fakkar li t-tħassib tiegħu dwar il-Liġi dwar il-vjolenza domestika li kien ivvota kontriha kien dwar il-protezzjoni tat-trabi mhux imwielda.

Delia m’għandu ebda rimors li vvota ‘le’ – PL

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal  li Delia m’għandu ebda rimors li qal le fil-parlament għal liġi li ssaħħaħ idejn il-vittma anke jekk f’dan il-każ kellu nies mill-grupp parlamentari tiegħu stess li vvotaw kontrih.

Skont il-PL, Adrian Delia reġa’ kkonferma li jekk hemm xi ħadd li ma jimportahx mill-vulnerabbli huwa hu.

Aktar kmieni llum, rappreżentanti minn 12-il għaqda, 3 Kunsilli Lokali, u residenti nġabru jipprotestaw kontra l-proġett tad-db fejn qed ikun propost li minflok l-iskola tal-ITS jinbena torri ta’ 38 sular u lukanda ta’ 17-il sular.