Aġġornata: Il-PN iħejji biex jagħmel rapport tat-telfa

Monique Agius

Waqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li r-rapport tat-telfa elettorali mhux l-iktar ħaġa essenzjali, iżda li jikkunsidrah, Newsbook.com.mt jinsab infurmat li uffiċjali għolja fil-Partit Nazzjonalista avviċinaw nies biex jieħdu sehem fi grupp li jikteb dan ir-rapport.  Intervistat waqt Dissett, Dr Delia lbieraħ esprima x-xewqa, li l-awtopsja tar-riżultat tal-elezzjoni jagħmluha firxa wiesgħa ta’ nies minflok l-esperti. Saħaq li hu ma jridx partit elitist u għaldaqstant ma jridx li jkunu l-ftit li jgħidulu x’hemm ħażin.

L-awtopsja jagħmluha n-nies mhux l-esperti – Delia

Intervistat waqt Dissett, Dr Delia lbieraħ esprima x-xewqa, li l-awtopsja tar-riżultat tal-elezzjoni jagħmluha firxa wiesgħa ta’ nies minflok l-esperti. Saħaq li hu ma jridx partit elitist u għaldaqstant ma jridx li jkunu l-ftit li jgħidulu x’hemm ħażin.

Delia fisser li fil-passat saru ħafna rapporti tat-telfa, li spiċċaw fil-kexxun, iżda fl-istess waqt jekk hemm proċedura li dan isir m’għandux problema. Insista iżda dwar l-importanza li jmur għand kull settur biex jiskopri fejn naqsu l-Partit Nazzjonalista, tant li ma kienx kapaċi jirrappreżentah. Fost l-oħrajn semma s-self employed, il-kaċċaturi, l-LGBTIQ u n-negozji.

Il-PN ma nbidilx biżżejjed – Delia

Il-Kap Nazzjonalista sostna li r-riżultat tal-PN fl-elezzjonijiet Ewropej juri li l-PN ma wettaqx biżżejjed bidliet. Fisser li hu ngħata mandat ta’ ħames snin biex ibiddel il-partit u li għadhom għaddew biss sena u nofs. “Irrid inkun ċert li l-mandat li fdawni bih inwettqu”, saħaq Delia. Fl-istess waqt stqarr li fil-partit hemm min oriġinarjament ma ridux, li kien hemm min ġibed il-ħabel bil-maqlub jew għamillu l-bsaten fir-roti. Dwar dan, Delia qal li se jipprova jġibhom lura u jekk le jibqa’ għaddej, “għax inkella mhux se niċċaqalqu”.

Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, Dr Delia insista li hu mhux se jirriżenja

Ara l-Filmat:  “Mhux se nirriżenja” – Delia

Din qanqlet bosta reazzjonijiet, fosthom mid-Direttur tal-MISCO u opinjonista Lawrence Zammit, li meta kien intervistat fuq RTK 103FM sostna li l-Kap Nazzjonalista għandu jirriżenja.

Filmat: Delia għandu jirriżenja – Lawrence Zammit

“Poġġi l-pożizzjoni tiegħek għall-iskrutinju” – Gonzi lil Delia

Intant, mal-ġurnal The Times of Malta, l-Eks Prim Ministru Nazzjonalista Lawrence Gonzi qal li Adrian Delia għandu jpoġġi t-tmexxija tiegħu għall-iskrutinju biex juri li l-kariga hija għalih.  Filwaqt li rrikonoxxa lil Delia bħala l-kap leġittimu tal-PN, Dr Gonzi stqarr li Delia nnifsu għandu jirrikonoxxi ċ-ċirkostanzi.  Saħaq li l-partit għandu jaffaċċja l-isfidi li għandu quddiemu, b’urġenza u b’kuraġġ.

“Bżonn awditjar soċjali tal-istrutturi ta’ komunikazzjoni tal-partit” – Fsadni

Min-naħa tiegħu, l-opinjonista tat-Times of Malta Ranier Fsadni kiteb li l-Partit Nazzjonalista hemm bżonn li jirkupra l-intelliġenza soċjali tiegħu qabel jeleġġi kap ġdid. Insista li jrid isir awditjar soċjali ta’ veru tal-istrutturi ta’ komunikazzjoni tal-partit.

“Ma kienx hemm block vote” – Delia

Dwar l-MEPs Nazzjonalisti kkonfermati fil-Parlament Ewropew, David Casa u Roberta Metsola, Adrian Delia qal li l-elettorat ikkonfermahom bħala apprezzament ta’ xogħolhom fil-ħames snin li għaddew. Stqarr li ma kienx hemm block vote u li t-tielet kandidat tal-PN ma telax għax kien hemm min ma vvutax. Żied jgħid li l-isfortuna kienet li ħafna minn dawk li ma vvutawx kienu nies li kienu qed jikkritikaw lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Aqra: Il-Kummissjoni Elettorali tħabbar is-6 MEPs eletti

Waqt l-istess programm, Dr Delia semma li ċ-Chief Political Adviser tal-PN, Jean Pierre Debono, diġà avviċinah biex jieħu post David Stellini fil-Parlament. Debono kien ċeda postu fil-Parlament biex ikun jista’ jidħol Adrian Delia.  Is-Sibt li ġej, l-Eżekuttiv tal-PN se jiltaqa’ biex  jagħżel min se jieħu post Stellini fil-Parlament

AQRA: Is-Sibt il-PN jagħżel is-suċċessur ta’ Stellini

AQRA: Kevin Cutajar jew Jean Pierre Debono bħala MP ġdid għall-PN?

AQRA: L-ittra ta’ riżenja ta’ David Stellini tinqara fil-Parlament