“Il-PN se jitkellem għat-tarbija fil-ġuf li ma jitkellem għaliha ħadd” – Delia

PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jagħti importanza lit-tarbija li tkun għadha fil-ġuf, u beħsiebu jitkellem għaliha, anke meta ma jitkellem għaliha ħadd. Huwa qal li tarbija fil-ġuf il-PN iqisha bħala tarbija u mhux ċelloli biss.

Dan qalu waqt l-indirizz tiegħu f’attività politika tal-Partit Nazzjonalista bit-tema Soċjetà li Jimpurtaha fil-bini tal-Fondazzjoni AŻAD fil-Belt Valletta.

Adrian Delia saħaq li fil-kwistjoni tat-trabi, il-Gvern beda dieħel minn taħt billi mil-liġijiet, neħħa t-tifsira tal-omm u tal-missier, neħħa l-ġeneru, u neħħa l-protezzjoni tat-tarbija fil-vjolenza domestika. Madankollu, huwa wiegħed li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jħares il-valuri tat-tarbija u tal-familja.

Huwa ddiskuta suġġetti oħra, fosthom l-art tal-Corinthia, li dwarha Adrian Delia insista li l-Prim Ministru gideb meta pprova jiddefendi l-qbil tal-Gvern mal-kumpanija Corinthia. Delia kkummenta fuq il-fatt li għal dan in-negozju, Joseph Muscat ma staħbiex wara l-Ministru Konrad Mizzi, imma ddefenda n-negozju hu stess, fejn fih art ta’ bejn €700 u €800 miljun, bħala depożitu għaliha, il-kumpanija Corinthia ħallset biss €1 miljun. Huwa kkuntrasta dan iċ-ċens temporanju ma’ ċens ta’ familji Maltin li meta jagħlaq ikun għalaq, li qal li ltaqa’ ma’ ħafna familji li qalulu bil-problemi finanzjarji tagħhom minħabba ċ-ċens.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma wkoll il-lista ta’ Transparency International li telenka l-pajjiżi li għandhom l-iżjed korruzzjoni, fejn Malta kklassifikat fil-51 post, wara pajjiżi bħal Rwanda u Botswana, pajjiżi fejn m’hemmx sistemi demokratiċi imma ħafna minnhom għandhom tmexxija militari. Malta ssemmiet talli flimkien ma’ 2 pajjiżi oħra, waqgħet l-iżjed postijiet fi ftit snin f’din il-lista, primarjament minħabba l-Panama Papers, il-Bank Pilatus, il-bejgħ tal-passaporti u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li Delia sejjaħlu “il-qtil tal-libertà tal-kelma.”

Dwar il-biedja, Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi fondi għall-kunsilli lokali sabiex jgħinu lis-settur tal-biedja, għaliex filwaqt li l-Gvern “irid jeqred il-biedja,” qal Delia, il-Partit Nazzjonalista se jkun magħhom fl-għelieqi.