Il-PN se jinnomina lil Marlene Farrugia għal Chairperson tal-Kumitat tal-Ambjent

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal fuq Twitter li l-Oppożizzjoni tinsab lesta li tinnoma lil Marlene Farrugia biex tibqa’ sservi bħala Chairperson tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar.
Simon Busuttil għamel din id-dikjarazzjoni wara li nhar it-Tlieta li għadda, Marlene Farrugia rriżenjat mill-Partit Laburista kif ukoll minn Chairperson ta’ dan il-kumitat.
Iċ-Chairpersons tal-Kumitati Parlamentari jridu jiġu approvati mill-Gvern, bil-kumitat ikun magħmul minn ħames membri appuntati mill-Kamra, tlieta f’isem il-Gvern li minnhom wieħed jinħatar Chairperson.
Iż-żewġ membri l-oħra jkunu f’isem l-Oppożizzjoni.
Marlene Farrugia ġiet ikkwotata ssostni li qabel taċċetta n-nomina tal-Kap tal-Oppożizzjoni trid l-ewwel tisma’ l-veduti tal-għaqdiet ambjentali u jekk dawn ikunu jaqblu li tiġi nnominata, tinsab lesta li terġa sservi bħala Chairperson ta' dan il-kumitat.

Reazzjoni PL
Fi stqarrija, il-Partit Laburista sostna li d-demokrazija u r-regoli Parlamentari jitolbu li l-Gvern ikollu tliet rappreżentanti u t-tmexxija tal-kumitat.
Il-Partit Laburista qal li meta Marlene Farrugia rriżenjat minn Chairperson tal-Kumitat għall-Ambjent u l-Ippjanar kienet korretta u għamlet dan għaliex kienet taf b’din ir-regola.
L-istqarrija ssostni li Simon Busuttil mhux jifhem dawn il-punti bażiċi iżda huwa fil-libertà li jneħħi membru tal-Oppożizzjoni biex jaħtar lil Marlene Farrugia fil-kumitat.

Reazzjoni PN
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li jekk il-Prim Ministru irid jaċċetta l-proposta tal-Oppożizzjoni li Marlene Farrugia tkompli tmexxi l-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent, jista’ faċilment jagħmel dan billi jaċċetta.
Jekk iħoss li l-liġi ma ttihx, allura jista’ jbiddel il-liġi li proprju bħalissa qegħda tiġi diskussa fi stadju ta’ Kumitat.
L-Oppożizzjoni lesta tgħin lil Joseph Muscat billi tippreżenta emenda f'dan is-sens.

Reazzjonjiet eNGOs
Fi stqarrijiet separati tal-Front Ħarsien ODZ u ta’ Flimkien għal Ambjent Aħjar flimkien ma’ Friends of the Earth Malta u r-Ramblers Association, dawn l-għaqdiet ambjentali urew l-appoġġ tagħhom lil Marlene Farrugia filwaqt li faħħru l-ħidma tagħha fil-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent.
Huma appellaw lill-Prim Ministru biex Marlene Farrugia tibqa’ tokkupa l-kariga ta’ Chairperson tal-kumitat.