Il-PN se jingħaqad mad-dimostranti nhar is-Sibt

Read in English.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista sejjaħ lill-poplu biex jingħaqad fid-dimostrazzjoni li se ssir fil-Belt Valletta nhar is-Sibt li ġej bħala protesta kontra l-korruzzjoni u l-Gvern. Il-PN qal li qed jappoġġja l-inizjattiva ta’ Repubblika u Occupy Justice li qed jorganizzaw din id-dimostrazzjoni.

Id-deċiżjoni ttieħdet aktar kmieni llum waqt il-Kunsill Amministrattiv fuq talba tal-Kap Adrian Delia.

Fil-Qorti jumejn ilu ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, f’kawża li għamel hu stess kontra Simon Busuttil, irrifjuta li jwieġeb il-mistqosijiet ta’ Peter Fenech u Jason Azzopardi li huma l-avukati ta’ Busuttil. Hu ġie ordnat iwieġeb il-mistoqsijiet, iżda minflok Keith Schembri ċeda l-kawża.  

Il-PN ikkundanna dan l-aġir u talab għar-riżenja jew tkeċċija ta’ Keith Schembri. Fl-istqarrija l-PN insista li l-Prim Ministru ma fadallux triq oħra ħlief li jkeċċi lil Keith Schembri. Il-Partit ikkundanna l-aġir tal-Prim Ministru li baqa’ jippersisti fid-difiża tal-korruzzjoni waqt li r-reputazzjoni ta’ Malta għaddejja mill-agħar perjodu tagħha.