Il-PN se jiftaħ kawża “biex l-isptarijiet jerġgħu jiġu tal-poplu”

Se tinfetaħ kawża biex l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jerġgħu lura għand in-nies. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia waqt attività politika li saret fiż-Żejtun.
Dr Delia qal li l-Oppożizzjoni se titlob il-Qorti tiddikjara l-kuntratt li sar bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare jiġi annullat.
Huwa saħaq kif il-PN se jiġġieled b’kull mezz biex dak li qed jittieħed b’qerq mingħand il-poplu jingħata lura b’mod sħiħ.
Fi kliemu l-Gvern abbanduna l-Isptar Monte Karmeli filwaqt li sab il-flus għas-sidien tal-VGH.
Dr Delia saħaq li l-Kap Eżekuttiv ta’ Monte Karmeli m’għandu l-ebda kwalifiki fil-qasam għajr li huwa Sindku Laburist.
Dr Delia kompla billi qal li l-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali għandhom leħen permezz tal-PN.
Fid-29 ta’ Jannar il-PN kien fetaħ protest ġudizzjarju fuq il-biegħ tal-isptarijiet pubbliċi.
Dr Delia tkellem ukoll fuq il-120,000 metru kwadru ta’ art f’Bulebel li qed tiġi mhedda b’estensjoni taż-Żona Industrijali.
Huwa sostna li Joseph Muscat iħossu ‘l fuq mil-liġi wara li ntrebħet l-elezzjoni u jrid jinjora l-liġi li għamel hu stess.
Dr Delia staqsa dwar jekk sarux studji dwar din l-art kif ukoll jekk diġà ġiex iffirmat xi kuntratt dwar l-għotja ta’ din l-art.
Huwa saħaq li Muscat l-ewwel jiftiehem ma’ xi ħadd, imbagħad jgħid li Malta għandha bżonn din il-persuna u wara jirranġa l-liġi biex jakkommoda lil persuna li jkun miftiehem magħha.
Huwa temm billi qal li l-PN se jibqa’ jkun il-vuċi tan-nies u se jiddefendi l-ambjent Malti.