Il-PN se jiddiskuti internament ir-referendum dwar il-kaċċa

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru għaġġel meta qabad u ddeċieda d-data tar-referendum meta fi kliemu l-liġi dan id-dritt huwa tal-President.
Busuttil qal li fuq struzzjoni tiegħu se ssir diskussjoni fl-istrutturi kollha tal-Partit Nazzjonalista dwar ir-referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa.
L-ewwel laqgħa se ssir għada u meta l-eżerċizzju jkun lest il-partit se jagħmel il-pożizzjoni tiegħu ċara.
Simon Busuttil qal li matul is-sena li għaddiet, il-Prim Ministru Joseph Muscat għamel dak kollu li seta’ biex ir-referendum ma jsirx jew biex itellef mill-importanza tiegħu.
Enfasizza kif il-Gvern Laburista kien lest li jħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali biex ma jkunx hemm turn-out kbir għal dan ir-referendum.
Filwaqt li ma qalx il-pożizzjoni tiegħu x’inhi dwar il-kaċċa, Simon Busuttil qal li ma għamilx bħall-Prim Ministru, iddikjara ruħu minn qabel u b’hekk immanipola sezzjoni tal-elettorali.
Sostna li minflok se ssir diskussjoni fl-istrutturi tal-partit għaliex fi kliemu hekk wieħed jistenna minn partit demokratiku.
Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jirrispetta d-deċiżjoni tal-poplu f’dan ir-referendum.