“Vapur skadut wara li l-Gvern ħela 6 snin” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern Soċjalista mhux jieħu bis-serjetà d-diffikultajiet tal-Għawdxin u wara li ħela sitt snin issa se jġib vapur skadut li m’għadux jintuża u mhux se jkun qed joffri l-ebda impjiegi ġodda lill-Għawdxin.

F’konferenza tal-aħbarijiet fl-Mġarr f’Għawdex il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio qalu li siti internazzjonali juru li dan il-vapur inbena fl-1987 u diġà għandu 32 sena.

Said qal li l-Partit Laburista għandu track record negattiv u ma għamle xjen biex isaħħaħ il-konnettività bejn Malta u Għawdex u neħħa s-servizz għall-merkanzija minn Sa Maison. Semma li kien hemm bosta wegħdi li ma sar xejn fuqhom fosthom il-cruise liner terminal.

Briguglio qal li l-impatt ambjentali u tal-aċċessibilità li vapur antik se jkollu huwa kruċjali sabiex Malta tibqa’ kompetittiva fis-settur tat-turiżmu. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellhu viżjoni fejn tidħol il-konnettività tal-gżejjer Maltin.

‘Il-PL warrab il-bdiewa’ – Peter Agius

Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Peter Agius qal li l-bdiewa għadhom kemm skoprew li se jibgħu mingħajr għajnuna mill-Ewropa. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Aaron Farrugia u Miriam Dalli eżatt wara l-maltempata ta’ Frar ma tantx kienu ta’ għajnuna.

Agius sostna li l-Gvern jeħtieġ jinnota li nistgħu nużaw l-għajnuna de minimis biex il-bdiewa jiġu megħjuna minnufih (diġà għaddew 4 xhur mill-maltempata ta’ Frar li ħalliet effetti devastanti fuq il-bdiewa!). Dan kien ikkonfermat mill-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura Phil Hogan fit-22 ta’ Frar 2019.

Żied jgħid li kistgħu jingħataw sa €25,000 f’għajnuna mill-Istat (għajnuna de minimis) mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni Ewropea.

Huwa appella biex naġixxu mingħajr dewmien.

Il-bdiewa jeħtieġu din l-għajnuna minnufih. Dewmien ta’ erba’ xhur diġà poġġa lil bosta bdiewa f’xifer falliment.

‘Il-PN se jibqa’ jaħdem biex il-fondi Ewropej ikunu aktar aċċessibbli” – Zammit Dimech u Borg Knight

Il-Membru Ewro Parlamentari u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight qalu li l-Partit Nazzjonalista (PN) se jibqa’ jaħdem biex jara li l-fondi Ewropej ikunu aktar aċċessbili.  Dan qaluh waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN, hekk kif kien żvelat li Malta mhux se tkun tista’ tagħmel użu mill-Fond tas-Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex jagħmel tajjeb għall-ħsara li ġiet ikkawżata wara l-maltempata ta’ Frar.

Francis Zammit Dimech qal li l-PN ħadem fuq livell Ewropew u offra l-għajnuna kollha lill-Gvern biex jara li jittaffa l-impatt lil kull min ġarrab ħsarat bil-maltemp. Huwa fakkar li kien ressaq il-proposti tal-bdiewa fir-rapport fuq il-futur tal-biedja fil-Kumitat tal-Agrikoltura u kien talab biex il-pagamenti jsiru fil-ħin u mingħajr burokrazija, bidliet li skont Zammit Dimech għandhom jiġu riflessi fir-riforma tal-politika tal-agrikoltura Ewropea l-ġdida.

Min-naħa tagħha, Roselyn Borg Knight qalet li l-PN se jara li jkun ikkunsidrat ic-ċokon ta’ pajjiżna u li f’dawn il-każijiet Malta tkun tista’ tibbenefika. Għalhekk Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza dawn l-anomaliji filwaqt li se jkun qed jagħmel pressjoni permezz tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew.