Il-PN se jħabbar miżuri għal politika aktar trasparenti għal meta jitla’ fil-Gvern

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ħabbar li eventwalment, se jħabbar miżuri biex ġaladarba jitla’ fil-Gvern, fil-pajjiż ikun hawn inqas korruzzjoni, u aktar trasparenza. 
Waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil qal li fost il-miżuri se jkun hemm dawk li jittrattaw l-imġiba tal-Ministri u l-membri tal-Gvern. 
Il-qofol tal-messaġġ politiku tiegħu, kien dwar il-każ ta’ Gaffarena.  Busuttil stqarr li prpetenda ferm aħjar minn Gvern Laburista u li l-każ ta’ Triq Żekka kien “the tip of the iceberg” u jinsab ċert li hemm affarijiet oħra li għadhom ma ħarġux fil-beraħ. 
Saħaq li l-Gvern mhux l-ewwel darba li ffirma jew ftiehem kuntratti bil-moħbi u qal li l-Partit Nazzjonalista għadu qed jistenna tweġiba għall-mistoqsijiet tiegħu dwar dawn il-każi u se jagħmel ħiltu biex jikxef skandli oħra. 
Ammetta li Gvernijiet Nazzjonalisti wettqu żbalji ambjentali iżda li xorta ttieħdu miżuri oħra favur l-ambjent, fosthom bl-isħubija fl-Unjoni Ewropea. 
Simon Busuttil ddeskriva l-protesta organizzata mill-Front Ħarsien ODZ bħala protesta storika għax kienet l-ikbar protesta ambjentali qatt saret f’Malta u li fuq kollox kienet organizzata mis-soċjetà ċivili. 
Il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel referenza għall-enċiklika dwar l-ambjent li ħareġ din il-ġimgħa l-Papa Franġisku u qal li d-dokument tal-Vatikan ħareġ f’ħin opportun għal Malta.