Il-PN se jaħdem għal suq tal-kera b’saħħtu; l-MDA trid tara Oppożizzjoni magħquda u b’saħħitha

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem għal suq ta’ kera b’saħħtu, regolamenti ġusti u kirjiet affordabbli. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa mal-Eżekuttiv tal-Malta Developers Association (MDA) fejn ġew diskussi s-settur tal-kostruzzjoni u l-kiri, kif ukoll il-liġi dwar il-kirjiet residenzjali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li bis-sistema preżenti u bil-liġijiet li qed jipproponi l-Gvern mhux talli mhux se jsolvi l-problemi għal min jgħix fil-kera iżda se jżidhom filwaqt li se jitfa’ piż sproporzjonat fuq is-sidien, mingħajr ma jerfa’ r-responsabbilità.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MDA Sandro Chetcuti qal li l-Assoċjazzjoni temmen li l-Oppożizzjoni tista’ tkun il-mutur sabiex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem. Chetcuti saħaq li għalhekk hemm bżonn ta’ oppożizzjoni magħquda u b’saħħitha.

Huwa qal li l-burokrazija qed tiżdied b’mod lampanti u l-awtoritajiet se jispiċċaw dgħajfa ma’ min hu b’saħħtu, u b’saħħitha mad-dgħajfin bil-konsegwenza li l-investituri qed jispiċċaw b’ħafna spejjeż u l-ġustizzja mhix qed issir.

Chetcuti elenka diffikultajiet li qed jiffaċċjaw l-iżviluppaturi fosthom in-nuqqas ta’ postijiet fejn jintrema l-iskart iġġenerat mill-kostruzzjoni kif ukoll problemi fis-settur bankarju li ġab il-Gvern b’idejh stess.

L-Oppożizzjoni tikkritika liġi li vvutat favur fit-tieni qari fil-Parlament – Roderick Galdes

Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kkritika iżda reġa’ ma għamilx proposti wara li kellu laqgħa mal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi fejn tqajjem il-punt dwar il-liġi tal-kera.

“Filwaqt li l-Gvern ifakkar li l-Oppożizzjoni vvutat favur fit-tieni qari fil-Parlament tal-liġi li issa trid temenda, il-Gvern xorta jħares ’il quddiem b’interess għal dawn l-emendi,” saħaq is-Segretarjat Parlamentari.