Il-PN qed jopponi proposta minn tiegħu dwar il-ħatra tal-President – Zammit Lewis

DOI - Jason Borg

Read in English.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ilmenta li l-MPs tal-Partit Nazzjonalista għażlu li jopponu r-riforma proposta fil-metodu tal-ħatra tal-president li hija identika għall-proposta li l-partit kien għamel ħames snin ilu.

Hekk kif kien qed jikkonkludi d-dibattitu dwar ir-riforma proposta – li fl-aħħar se jkollha bżonn l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Parlament peress li hija emenda għall-Kostituzzjoni – dalgħodu Zammit Lewis rrefera għal sett ta’ proposti li kien ħejja l-PN fl-2015 f’dokument entitolat “Restoring Trust in Politics.”

Id-dokument jissuġġerixxi li l-President għandu bżonn maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament, imma jispeċifika li jekk ma tinlaħaqx maġġoranza ta’ żewġ terzi wara żewġ voti, tapplika r-regola tal-maġġoranza sempliċi.

Zammit Lewis qal li dan il-mekkaniżmu huwa identiku għall-anti-deadlock mechanism propost mill-Gvern, li l-MPs tal-PN qed jgħidu li huwa inaċċettabli. Qal li l-unika differenza hi li fil-mekkaniżmu tal-gvern ikun hemm bżonn maġġoranza assoluta ta’ MPs u mhux maġġoranza sempliċi.

Madanakollu, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li l-Oppożizzjoni xorta se tivvota kontra l-abbozz fit-tieni qari tiegħu, però li dan kien se jsir bit-tama li l-proposta tkun tjiebet sa meta tasal għat-tielet u l-aħħar qari tagħha.

L-abbozz se jkollu bżonn biss maġġoranza sempliċi fl-istadju tat-tieni qari. Dan imbagħad jista’ jinbidel fil-kumitat. Il-maġġoranza taż-żewġ terzi jkun hemm bżonnha fil-vot aħħari. Il-vot se jittieħed ġurnata oħra.

Oppożizzjoni mifruda imma magħquda kontra din il-kwistjoni

Id-dibattitu dwar l-abbozz sar bejn it-Tnejn u t-Tlieta. F’deċiżjoni kontroversjali l-President George Vella qal li Adrian Delia għandu jibqa’ bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni minkejja li tilef l-appoġġ tal-maġġoranza tal-MPs tiegħu.

Hekk kif kompla d-dibattitu t-Tlieta, il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield iffoka fuq il-qasma fil-PN fid-diskors tiegħu. Innota li l-kelliem tal-PN għar-riforma kostituzzjonali Chris Said issemma’ speċifikament minn Delia bħala wieħed mill-MPs li ma setax ikompli jafda.

Bedingfield staqsa għalfejn il-PN kien qed jibqa’ jħalli lil Said responsabbli min din il-kwistjoni.

Robert Cutajar – maħsub li huwa wieħed mill-10 MPs li vvutaw favur Delia fil-vot ta’ sfiduċja – qal li filwaqt li Bedingfield ipprova jagħti l-impressjoni li l-Oppożizzjoni ma kinitx qed taħdem, it-track rekord tagħha kien jitkellem waħdu.

Presidenza aktar b’saħħitha għandha bżonn mekkaniżmu ta’ ħatra aktar b’saħħtu – Azzopardi

Meta d-dibattitu dar għal fuq abbozz ieħor – emenda Kostituzzjonali oħra dwar il-mod kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura – l-MP tal-PN Jason Azzopardi ddefenda l-bidla fil-ħsieb tal-PN.

Azzopardi qal li l-proposta tal-2015 saret bħala parti minn proposti kuraġġjuzi li kienu bla precedent għal Malta.

Osserva li dak iż-żmien l-irwol tal-President kien wieħed purament ċerimonjali, li kien ifisser li mekkaniżmu anti-deadlock ma kinitx kwistjoni dakinhar.

Però r-riformi proposti mill-Gvern se jagħtu wkoll poteri addizzjonali lill-President, argumenta Azzopardi, li żied jgħid li jkun hemm bżonn garanziji aktar b’saħħithom.