Il-PN qed jgħid lill-MPs Laburisti jagħmlu bħali – Franco Debono

Read in English.

L-eks MP tal-PN Franco Debono qal li l-Partit Nazzjonalista llum qed jgħid lill-MPs tal-Partit Laburista biex jagħmlu dak li għamel hu meta kien fil-parlament.

Fuq Facebook Debono qal li llum il-PN sejjaħ lid-deputati tal-Gvern biex jivvotaw favur mozzjoni tagħha “xi ħaġa li tiġri kontinwament f’kull parlament demokratiku madwar id-dinja.” Għal Debono, illum avukat, il-PN qed jagħmel tajjeb li jappoġġja xi ħaġa bħal din. Fakkar li meta kien għamel hekk meta kellu siġġu fil-Parlament, il-PN “kien forsi rreaġixxa b’mod xi ftit żbaljat.”

Fil-passat Debono kellu x’għid ma’ dawk fit-tmexxija tal-PN dwar għadd ta’ kwistjonijiet bħal dik tal-Arriva u tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja. It-tensjoni laħqet il-qofol tagħha meta vvota kontra l-baġit tal-Gvern li kien parti minnu.

Debono rrimarka li l-vot ta’ għada huwa aktar serju minn dak li ġara meta kien għadu MP hu.

Fakkar lid-deputati li fil-Parlament huma mhumiex delegati tal-partit tagħhom imma li qed jirrappreżentaw lill-poplu. Appella lill-MPs biex jivvotaw favur l-interess nazzjonali.

Illum l-Partit Nazzjonalista sejjah lid-deputati tal-Gvern biex jivvotaw favur mozzjoni tal-Opposizzjoni, xi haga li…

Posted by Franco Debono on Wednesday, April 29, 2020

Illum il-PN appella lid-deputati tal-Gvern biex jappoġġjaw lit-tobba u lill-professjonisti tas-saħħa u jġibu l-isptarijiet lura għal għand il-Maltin.

Il-PN għamel dan l-appell waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-mozzjoni li se tiġi diskussa għada fil-parlament dwar il-kuntratt ma’ Steward Healthcare. Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius qal li l-Maltin qed iħallsu €180,000 lil Steward Healthcare għat-tliet sptartijiet – San Luqa, Karin Grech, u ta’ Għawdex. Skont Agius, minn dawn il-flus in-nies mhu qed jieħdu xejn lura. Qal li l-isptar San Luqa jinsab fi stat ta’ abbandun. Il-MP tal-PN Chris Said qal li Għawdex suppost kellu sptar ġdid fl-2018, liema sptar lanqas biss beda jinbena.