“Il-PN qed jappoġġja lil Helena Dalli, imma…”

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-PN se jkun qed jappoġġja n-nomina ta’ Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropea fl-interess nazzjonali, imma qal fi stqarrija li “l-Gvern għandu minnufih jieħu d-deċiżjonijiet b’serjetà biex isewwi r-reputazzjoni ta’ pajjiżna li kisser”.

Fisser kif fl-aħħar ġranet, rapport tal-Moneyval ċanfar bil-kbir l-atteġġjament tal-Gvern fil-qasam tal-governanza u qal li dan ipoġġi eluf ta’ impjiegi f’periklu jekk Malta tkun pajjiż black listed.

Delia qal li issa huwa ż-żmien li l-Gvern irid jagħmel il-parti tiegħu, għaliex jekk jibqa’ ma jieħux id-deċiżjonijiet li hemm bżonn biex isewwi r-reputazzjoni ta’ Malta jkun qed jikkonferma li dawk f’Kastilja “l-ewwel buthom, qabel kollox”.

Min-naħa tiegħu, il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa sostna li mhux bilfors se jkunu qed jappoġġjaw in-nomina ta’ Helena Dalli bħala Kummissarju għall-Ugwaljanza.

AQRA: Dalli għandha tikkundanna lil Mizzi u Schembri – Casa

Dalli se tkun skrutinizzata mill-Parlament Ewropew fit-2 ta’ Ottubru.

AQRA: Helena Dalli skrutinizzata fit-2 ta’ Ottubru

“Kuljum skandlu ġdid mingħajr mistħija” – Delia dwar il-Gvern

Adrian Delia qal li kuljum joħroġ skandlu ġdid li l-Gvern Laburista jagħmel mingħajr mistħija. Waqt intervista li saritlu fl-okkażjoni tal-festi tal-Indipendenza organizzati mill-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali, Adrian Delia qal li fil-każ tal-fast ferry service bejn Malta u Għawdex ġie stabbilit li l-Gozo Channel kienet taf li kien hemm diskrepanzi tekniċi u legali minn kif mistenni fil-kuntratt, iżda xorta ffirmatu u rebbħet it-tender lil kumpanija partikolari.

Huwa qal li fl-MFSA kellu jkun wieħed mill-Gvernaturi, Joe Brincat li kien eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, li ħa passi legali fil-konfront tal-awtorità biex ma taġevolax, b’mod skandaluż impjegat tagħha u tagħtih għexieren ta’ eluf ta’ ewro. Dwar dan il-każ, Delia fisser kif l-Oppożizzjoni se titlob li dawn il-każijiet fl-MFSA jiġu diskussi u investgati b’mod urġenti mill-Kumitat Parlamentari għall-fondi pubbliċi (PAC).

Semma wkoll każ ieħor li ddeskrivih bħala skandlu fejn qal li “l-Gvern irid ipoġġi poter assolut” f’idejn il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Artijiet James Piscopo biex jiddeċiedi hu dwar trasferiment ta’ art tal-poplu. Piscopo kien Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista.