Il-PN: Partit man-nies u għan-nies – Adrian Delia

Ritratt: PN

Il-Partit Nazzjonalista jitkellem man-nies għax hu partit għan-nies u jiddefendi lin-nies l-aktar dawk li jeħtieġu ġustizzja, għax huwa it-tarka tal-vulnerabbli.  Dan kien il-messaġġ ċentrali li ta Dr Adrian Delia, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, waqt li kien qed jitkellem fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Huwa qal li l-PN qatt ma beża’ jiddefendi lill-poplu u li se jerġa’ jmexxi l-ġlieda biex isaltnu d-demokrazija, il-ġustizzja soċjali u l-ġid komuni.

Delia ħeġġeġ lin-nies biex ma jaqtgħux qalbhom.

“Il-PN se jkun magħkom. Il-PN huwa intom. Il-PN huwa l-partit tal-Indipendenza, tal-ġustizzja, tat-teknoloġija u s-servizzi finanzjarji, tal-edukazzjoni, tal-espressjoni ħielsa, tal-pluraliżmu. Il-PN ma jużax lill-pajjiżna iżda jservih. Jeżisti biss biex ikollna soċjetà li jimpurtaha”, żied jgħid il-Kap Nazzjonalista.

“Il-ġlieda għad-demokrazija”

Il-Kap tal-PN qal li r-rapporti kollha li qed isiru f’Malta u minn barra minn Malta juru li d-demokrazija qiegħda taħt theddida. Huwa qal li l-Ombudsman fir-rapport tiegħu stqarr li l-promozzjonijiet fl-armata saru bi proċess ivvizzjat li ggarantixxa biss li ntgħażlu dawk li kienu magħżula minn qabel beda l-proċess. Fir-rapport tiegħu l-Ombudsman qal li ma jistax jifħem kif il-Gvern ma riedx jassigura li jintgħażlu l-aħjar nies għall-armata u ma jistax jifhem kif il-Gvern mhux qed jara kif dan il-proċess ivvizzjat jagħmel ħsara lid-demokrazija.

L-Awditur Ġenerali qal li l-viżas mill-Alġerija ħarġu bl-abbuż.

Delia qal li minkejja li l-Konvenzjoni Venezja semmiet li hija preokkupata b’dak li qed jiġri f’pajjiżna, il-Gvern sa issa ma għamel xejn.

“Aħna ma naċċettawx li l-Gvern jgħid li dawn il-bidliet isiru mal-bidliet li jkun hemm fir-riforma tal-Kostituzzjoni”, saħaq Delia.

Semma wkoll ir-rapport ta’ Transperancy International u ta’ Aspect International li juri li Malta tinsab fl-agħar pożizzjoni li qatt kienet. Stqarr li fl-istess waqt l-istatistika tal-Gvern turi li qed jiżdiedu l-każi tal-ħasil tal-flus.

Delia qal li l-Gvern ħataf lill-Pulizija u lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li flok jiddefendi l-interess nazzjonali jiddefendi l-ftit ta’ Kastilja. Huwa kkritika wkoll lill-Gvern għax irid iżomm għalih il-poter li jagħti l-art lil min irid, jagħti l-isptarijiet lil min mhux kapaċi; jagħżel lil min irid u ġab l-istituzzjonijiet jiddefendu lill-Gvern milli lill-poplu.

“Min huwa korrott ma jiġġilidx il-korruzzjoni”

Delia qal li l-Gvern ma jiġġilidx il-korruzzjoni għax min hu korrott ma jistax jiġġieled il-korruzzjoni. Huwa kkritika bil-qawwa l-mod kif il-Gvern qed jiddisponi mill-propjetà pubblika u “Muscat il-PM ta rigal lil Muscat Kap PL” biex issa l-PL, fi kliem Delia, se jibda jaqla’ €2,000 kuljum mill-propjetà li l-PL ħa mingħand il-poplu.

“Il-Gvern ħoloq klassi ta’ fqar li jaħdmu”

Delia qal li l-Gvern, minflok middle class ġdida ħoloq klassi ta’ fqar li jaħdmu, għax ħonoq lil ħafna negozji żgħar. Saħaq li dan mhux gvern pro-business iżda gvern pro-big business. Huwa qal li l-għoli fil-prezzijiet tal-propjetà u l-għoli tal-kera qed jagħmluha diffiċli għaż-żgħażagħ li joħolmu li jibdew ħajja għal rashom. Semma li hemm periklu li anzjani jintefgħu barra t-triq. Qal li issa barra n-nies li qed jgħixu fil-garaxxijiet, hemm oħrajn li  qegħdin f’sitwazzjoni fejn qed jinkrew is-sodod fl-appartamenti bil-purtieri bejniethom.

Delia kkritika lill-Prim Ministru għax qal li  għal Muscat in-nies saru problema. Ikkritika lill-Gvern għax qal li qed jibni kontejners flok skejjel, qed iġib lill-barranin bla pjan, ma jafx x’qed jgħid dwar il-mina bejn Malta u Għawdex u qed jikkalpesta lis-servizzi finanzjarji.

Huwa qal li mill-banda l-oħra l-PN jiggarantixxi abitazzjoni għal kulħadd, ma jħallix nies fi djar sub-standard, jgħin biex Għawdex jiffjorixxi, jara li l-isptarijiet jibqgħu tal-poplu, u jħares l-identità Maltija għax ma jbigħx il-passaporti.

Delia qal li “irridu li pajjiżna jkun pajjiż demokratiku mill-ġdid; ikun hawn is-saltna tad-dritt;  id-drittijiet jiġu rispettati u l-isem ta’ Malta jkun fil-għoli”.

“Casa kellu raġun meta qal li l-Kap tal-PN huwa Adrian Busuttil” – PL

F’reazzjoni għad-diskors ta’ Delia, il-Partit Laburista sosta li Delia wera li David Casa kellu raġun meta qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa Adrian Busuttil. Sostnew li Delia baqa’ ma sabx skop għaliex qiegħed f’din il-kariga wara kważi 18-il xahar li kien elett bil-wiegħda ta’ mod ġdid.