Il-PN mistenni jippreżenta ‘star candidates’ għall-elezzjoni tal-MEPs

L-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew s-sena d-dieħla huma l-ewwel test elettorali għall-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, Dr Simon Busuttil.

Waqt li kien qed jieħu sehem fil-programm ‘X’Hemm Ġdid’ preżentat minn James Piscopo fuq Radju RTK, Dr Busuttil jgħid li l-Partit tiegħu se jagħmel minn kollox biex jippreżenta lista ta’ kandidati mill-aqwa, bl-għan li l-PN jirbaħ tliet siġġijiet minn sitta.

Dwar l-istess elezzjonijiet, Dr Busuttil sostna li se jieħu din l-elezzjoni bis-serjetà. Jgħid ukoll kif xtaq li jkun hemm aktar minn sena żmien għal dan l-ewwel eżami għalih.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jħoss li hemm xebħ kbir fil-ħsieb politiku bejnu u bejn il-predeċessur tiegħu, Dr Lawrence Gonzi… għalkemm isostni li t-tnejn għandhom stil differenti ta’ tmexxija. Jgħid ukoll li l-problemi ma’ diversi membri Parlamentari fl-aħħar leġislatura ma kienux tort ta’ persuna waħda.

Meta mistoqsi fuq l-avversarju politiku tiegħu, Simon Busuttil qal li għandu rispett kbir lejn Dr Muscat wara l-mod kif biddel il-Partit Laburista f’ħames snin, iżda fl-istess ħin jgħid li dan it-tibdil hu wieħed kosmetiku biss, mingħajr direzzjoni u sustanza politika. 

Fl-istess programm, Dr Simon Busuttil semma kif il-problemi finanzjarji tal-partit juru kemm il-PN fil-gvern ma kienx maħmuġ u li flus il-poplu ma kienux jispiċċaw għand il-partit, kif ħaddieħor jagħti l-impressjoni, temm jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.