“Il-PN ma kienx qed juża r-riżorsi kollha li kellu” – Adrian Delia

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-PN ma kienx qed juża r-riżorsi kollha li kellu għax il-kumitati tal-PN fl-irħula u fl-ibliet mhux jingħataw spazju biżżejjed.
F’intervista fuq Radio 101, Dr Delia qal li l-membri tal-kumitati mhumiex assistenti biex jiġbru t-tesseri biss iżda huma politiċi, kapaċi jaħsbu, jiddiskutu u jipproponu ideat politċi.
Tenna li jekk ikun Kap tal-PN se jagħti spazju lill-membri tal-kumitati biex b’mod olistiku titfassal il-politika.
Saħaq li l-PN irid jiftaħ il-bibien u t-twieqi ħalli tidħol arja ġdida u li l-PN m’għandux jibża’ mill-kritika ġenwina.
Qal li l-PN għandu ħames snin quddiemu biex jagħti prova li kapaċi jagħmel l-ħajja tan-nies aħjar jekk jafdawh fil-Gvern.
Matul l-intervista huwa elenka wħud mill-proposti tiegħu fosthom dawk marbuta mas-self employed.