Il-PN kontra t-tneħħija tal-mafkar ta’ Daphne

Il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija li fiha ddefenda t-tqegħid tal-istrixxun, fjuri, u xemgħat li jikkommemoraw lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia f’mafkar għaliha quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir.

Fi stqarrija, il-PN qal li jqis l-aġir tal-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici li jerġa’ jneħħi affarijiet li jikkommemoraw lill-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia bħala “wieħed għalkollox żejjed.” Żied jgħid li l-aġir ta’ Bonnici juri d-disprezz li l-Gvern Laburista għandu għad-dritt tal-libertà tal-espressjoni.

Il-PN qal li “huwa inaċċettabbli li l-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja u l-Kultura juża ħaddiema tal-gvern sabiex jiċċensura u jintimida ċittadini Maltin li bi dritt qegħdin jipprotestaw b’mod paċifiku biex issir ġustizzja dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.”

L-azzjonijiet tal-Ministeru għall-Ġustizzja b’rabta mal-mafkar ta’ Daphne fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir huma tal-mistħija u ta’ min iċanfarhom skont il-fondazzjoni aditus.

L-attivisti tal-grupp Occupy Justice qalu li l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici ma jipprattikax dak li jippriedka għax għalkemm jgħid li ċ-ċensura hija ħażina jibgħat il-ħaddiema tal-Gvern biex ineħħu oġġetti li qegħdin quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta bi protesta għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-barrieri li ttellgħu madwar il-monument tal-Assedju l-Kbir sakemm isir ir-renovar issa inksew kollha bi strixxuni li jirreklamaw il-monument, u li se jagħmluha diffiċli għall-attivisti biex ikomplu jsemmgħu leħinhom dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia permezz ta’ dan il-post.