Il-PN kien għadda wkoll liġi biex jispezzjona d-djar – Il-Gvern

Read in English.

Il-Gvern qal li l-Partit Nazzjonalista kien ukoll għadda liġijiet li jagħtu dritt ta’ aċċess lil entijiet tal-Gvern biex jispezzjonaw id-djar, l-istess kif irid jagħmel il-Gvern Laburista bil-liġi proposta tal-kera.

Il-Gvern fi stqarrija qal li l-Oppożizzjoni qiegħda mhux biss tikkritika din il-liġi l-ġdida, iżda hija wkoll kontra l-mekkaniżmu li jħaddem din il-liġi.

L-istqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali ntqal li d-dikjarazzjonijiet li qed isiru dwar l-ispezzjonijiet fid-djar huma bla bażi. Fisser kif id-dritt ta’ aċċess ta’ awtorijiet governattivi diġà jsib ruħu fi provedimenti ta’ diversi liġijiet oħra tal-pajjiż, liema aċċess irid isir bi pre-avviż ta’ 24 siegħa minn qabel u bl-assistenza tal-Pulizija.

Din l-istqarrija tal-Gvern nħarġet wara li aktar kmieni llum ġie rrappurtat li kelliema għall-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qalet li l-Oppożizzjoni se tivvota b’saħħa kontra dawn il-liġijiet li jmorru kontra l-Kostituzzjoni.