“Il-PM responsabbli fil-każ tal-VGH” – Protest tal-PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ressaq protest ġudizzjarju li fih qed iżomm lill-Prim Ministru responsabbli fil-każ tal-Vitals Global Healthcare (VGH).
Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Awtorità tal-Artijiet tieħu l-azzjonijiet kollha possibbli skont il-liġi fil-każ tal-VGH.
Quddiem il-Qorti, wara li ppreżenta l-protest ġudizzjarju, Adrian Delia qal li l-Gvern kiser il-kundizzjonijiet tal-kuntratt pubbliku u ppermetta li kumpanija barranija, li l-ismijiet tas-sidien tagħha mhux magħrufa, jieħdu art, propjetà u tagħmir pubbliku.
Il-protest huwa indirizzat lill-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet u ċ-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet kifukoll lit-tmexxija tal-Vitals.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni enfasizza li l-Partit Nazzjonalista huwa magħqud b’vuċi waħda sabiex jipproteġi lill-poplu kemm fil-Parlament u fil-Qorti.
“Il-Kap tal-Oppożizzjoni ostaġġ tal-istess klikka” – PL
Dwar il-fatt li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mid-deputat Jason Azzopardi, il-Partit Laburista rreaġixxa u qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni wiegħed mod ġdida u issa spiċċa ostaġġ tal-istess klikka.
Il-Partit Laburista qal li l-Oppożizzjoni qed tipprova tgerrex l-investiment u qal li din hija tattika negattiva li kien imexxi biha l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
Saħaq li l-Gvern għandu jibqa’ għaddej bil-pjan tiegħu li jibdel il-qasam tas-saħħa.