​Il-PN jsostni li t-traġedja f’Paceville tesiġi risposti u azzjoni mill-Gvern

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami f’konferenza flimkien mal-kelliem tal-Oppożizzjoni David Agius u l-President tal-MŻPN qal li l-inċident li seħħ f’Paceville iqajjem numru ta’ mistoqsijiet li l-poplu għandu dritt għal tweġiba.
Fenech Adami qal li jkun żball jekk il-Gvern jagħmel kif għamel il-Ministru Carmelo Abela u jistenna l-inkjesta maġisterjali li tista’ ddum ix-xhur.
Enfasizza li l-Gvern għandu jaħtar inkjesta indipendenti biex fi żmien determinat jiġi stabbilit x’kien ir-raġuni li kulħadd ħareġ b’għaġġla ‘l barra biex ċeda t-taraġ tal-istabbiliment, jekk il-post kellux ħruġ tal-emerġenza, meta sar l-awditjar tas-saħħa u s-sigurtà, jekk hux minnu li kien iżjed nies milli suppost, jekk kienx hemm tfal fil-ħin tal-inċident u kemm kien hemm Pulizija dak il-ħin f’Paceville u għaliex ma waslux fuq il-post fil-ħin.
Beppe Fenech Adami enfasizza li l-Oppożizzjoni ilha x-xhur twissi lill-Gvern li hemm nuqqas ta’ sigurtà serja f’Paceville li qed tpoġġi liż-żgħażagħ fir-riskju.
Saħaq li l-Oppożizzjoni ilha tinsisti li f’Paceville hemm bżonn preżenza akbar tal-Pulizija, għassa tal-Pulizija u bżonn ta’ Rapid Intervention Unit stazzjonata hemm.
Enfizza li kieku l-Gvern wettaq dawn is-suġġerimenti, l-inċident tas-Sibt seta’ ġie evitat.

Reazzjoni PL
F’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil mhux jitlef okkażjoni biex ikun negattiv u li huwa negattiv ukoll fil-każ sfortunat ta’ Pacevielle.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li flok jipprova jsib is-soluzzjonijiet, Simon Busuttil qed jipprova jdaħħal il-politika akkost li jirkeb fuq il-karru ta’ dak li seħħ is-Sibt.