Il-PN jsostni li l-KE qed twissi dwar iż-żieda fil-faqar f’Malta

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici sostniet li l-Kummissjoni Ewropea ħarġet twissija serja dwar il-faqar f’pajjiżna.
Qalet li ż-żieda fil-faqar hija ferm ogħla minn dik fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea.
Mifsud Bonniċi rrimarkat kif il-Partit Nazzjonalista ilu x-xhur jappella lill-Gvern biex jindirizza din ix-xejra.
Hija qalet dan waqt konferenza tal-aħbarijiet, li kienet indirizzata wkoll mill-kelliema Stephen Spiteri u Robert Cutajar.
Paula Mifsud Bonnici qalet li l-faqar żdied mill-2013 u fl-ewwel sena tal-Gvern Laburista, iż-żieda fil-faqar f’Malta kienet it-tieni l-akbar fl-Unjoni Ewropea.
Hija rreferiet għad-dokument ‘Ekonomija għan-Nies’ ippreżentat mill-Partit Nazzjonalista u qalet li dan fih proposti konkreti.
Stephen Spiteri qal li d-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela, li huwa konsulent dwar il-faqar tal-Gvern, sejjer tajjeb ħafna.
Qal li minbarra d-dħul tiegħu ta’ avukat, qed idaħħal mas-€70,000 fis-sena minn tliet konsulenzi mal-Gvern Laburista.
Spiteri qal li hawn min jiffanga kemm jiflaħ u semma l-każ tal-Cafè Premier u numru ta’ konsulenzi.
Minn naħa tiegħu, Robert Cutajar qal li fl-ewwel sentejn ta’ Gvern Laburista, l-anzjani fir-riskju tal-faqar żdiedu b’2,500.
Sostna li mhux veru li l-ekonomija hi b’saħħitha u dan b’konferma tal-Kummissjoni Ewropea.