Il-PN jrid li l-Gvern jippubblika l-ftehim ma’ min se jixtri l-isptarijiet

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa Claudette Buttigieg qalet li b’u-turns u nofs veritajiet qed jinħoloq id-dubju dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-isptar San Luqa u l-isptar Karen Grech.
Qalet li l-Gvern għandu jippubblika l-ftehim li għamel sa issa ma’ min se jixtri l-isptarijiet f’pajjiżna.
Claudette Buttigieg qalet li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi jridu jirrealizzaw li dan mhux każ ta’ power station li ma saritx fil-ħin iżda dwar il-kura tas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa għamlet referenza għad-dikjarazzjonijiet tal-Ministru Konrad Mizzi waqt programm fuq it-televiżjoni dwar il-proċess tal-privatizzazzjoni tal-isptar u enfasizzat kif il-Ministru ilu xhur jgħid li ma jrid jippubblika l-kuntratt li ffirma ma’ Vitalis Global Healthcare u issa qal li l-kuntratt għadu ma ġiex iffirmat.
Claudette Buttigieg qalet li fl-istess programm, il-Ministru għas-Saħħa ammetta li hemm xi ħaġa ffirmata u li jrid jiċċekkja jistax jippubblikaha jew le.
Claudette Buttigieg enfasizzat li Konrad Mizzi għandu jkun ċar dwar l-involviment tal-proċess tal-privatizzazzjoni fuq l-isptar Mater Dei u x’impatt se jħalli fuq it-tobba tal-isptar u l-istudenti tal-Università ta’ Malta.