Il-PN jrid isalva wiċċu fuq il-każ tal-Pilatus – Scicluna

Il Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal fil-parlament li l-Oppożizzjoni trid issalva wiċċha fil-każ tal-Pilatus Bank hekk kif l-Istati Uniti waqqgħu l-każ kontra s-sid tagħha Ali Sadr Hasheminejad.

“Qed tipprovaw issalvaw wiċċkhom u tkomplu bil-kantaliena tal-Pilatus Bank u tridu li Ali Sadr jiġi pproċessat f’Malta,” kompla jgħid Scicluna.

Meta kien qed jagħmel l-għeluq tal-abbozz ta’ liġi dwar garanziji lill-Bank Ewropew, Scicluna qal li membri tal-PN kienu f’taħdidiet ma’ Henley & Partners, biex meta fil-Gvern jintroduċu l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment iżda kif spiċċaw fl-Oppożizzjoni, bdew jostakolaw il-proċess f’sens ta’ għeneb qares.

Huwa qal li Mario de Marco mhux kredibbili meta jiddefendi l-kriminali tal-Mafja (b’konnessjoni mal-każ ta’ fenplay) u filgħaxija jiġi fil-Parlament jikkritika lill-Gvern. Akkuża lill-Oppożizzjoni bid-dmugħ tal-kukkudrilli u qal li dan in-nuqqas ta’ kredibbiltà ġab dan id-distakk bejn iż-żewġ partiti.

De Marco talab point of order fejn qal li hu mar jiddefendi d-dritt tal-ħaddiema li jieħdu l-ħlas tagħhom u mhux kien qed jiddefendi lill-kumpanija li skont Scicluna kellna konnessjoni ma’ Ndrangheta.

Scicluna qal li l-Oppożizzjoni qed terġa’ tperreċ r-reputazzjoni ta’ Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej bi qtil biex iħammġu lill-Malta u dan għamluh permezz tal-Membri Parlamentari Ewropej Roberta Metsola u David Casa.

Pilatus Bank kien qabbad lill-kumpanija tal-marketing 9th Wonder biex jevita l-kriżi li spiċċa fiha. Il-kumpanija Amerikana 9th Wonder żvelat it-tattiċi li kienet qed tuża biex tgħin lil dan il-bank li kien involut fi skandlu wara l-ieħor.