Il-PN jonfoq €1.3 miljun fil-kampanja elettorali

Il-Partit Nazzjonalista nefaq €1.3 miljun għall-kampanja elettorali.
Fi stqarrija l-PN qal li din in-nefqa tinkludi r-reklamar, attivitajiet politċi u inizjattivi fuq il-midja soċjali iżda ma tinkludix il-pagi tal-ħaddiema.
Spjega li l-€1.3 miljun inġabru permezz tad-donazzjonijiet li saru kemm fil-kampanaja elettorali kif ukoll fix-xhur ta’ qabel.
Il-PN qal li l-kontijiet marbuta mal-kampanja elettorali diġà tħallsu kollha u b’hekk il-kampanja ma’ ħalliet ebda dejn.
Dwar id-dejn li għandu l-PN ġie spjegat li diġà tħallas ħafna minnu u tnaqqas ħafna wkoll l-imgħax fuq is-self mill-banek.
Spjega li l-Partit għad għandu proprjetajiet, fosthom il-każini u d-Dar Ċentrali, li l-valur tagħhom jeċċedi l-valur ta’ dejn. 
Żied jgħid li s-sena l-oħra l-PN irreġistra dħul ta’ €1.4 miljun, waqt li l-ispejjeż kienu jammontaw għal €1.1 miljun. Dan ifisser li matul is-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2016, il-Partit Nazzjonalista rreġistra qliegħ ta’ €300,000.
Spjega wkoll li meta wieħed jieħu inkonsiderazzjoni s-sussidju li l-Partit għadda lill-kumpaniji sussidjarji tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jkun għalaq is-sena 2016 b’telf ta’ €1.6 miljun. 
Temm jgħid li fl-aħħar jiem, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-accounts tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali biex ikun konformi mal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.