Il-PN jitlob spjega għax mhux isiru appuntamenti ġodda fil-GU Clinic

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern biex jispjega x’inhi r-raġuni li mhux qed isiru l-appuntamenti għal testijiet ġodda fil-GU Clinic tal-Isptar Mater Dei. Irid spjega wkoll dwar kif seta’ jħalli funzjoni daqstant sensittiva mingħajr l-amministrazzjoni klinika neċessarja.
Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa Claudio Grech qal li jidher li persuni li qed jitolbu li jagħmlu testijiet marbutin mal-HIV u l-AIDS qed ikunu mitluba jħallu aktar minn xahar biex jerġgħu jippruvaw jagħmlu appuntament.
Claudio Grech qal li dan in-nuqqas ta’ servizz jikkuntrasta bil-kbir mad-direttivi u l-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li tqis l-iscreening u t-testijiet bħala mezz ewlieni fil-ġlieda kontra t-tixrid ta’ dan it-tip ta’ infezzjonijiet.
Żied jgħid li s-servizz ta’ counselling lill-pazjenti u lill-qraba tagħhom jidher li qed jingħata b’limitazzjonijiet minħabba nuqqas ta’ riżorsi. Grech qal li din is-sitwazzjoni mhux biss qed tnaqqar il-livell tas-servizz mogħti lill-pazjenti iżda qed toħloq ħafna pressjoni fuq il-ħaddiema fil-GU Clinic.