Aġġornata(1): Il-PN jitlob lill-Pulizija tinvestiga attakk minn JPO u Franco Debono

B’reazzjoni għall-istqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, Jeffrey Pullicino Orlando qal li l-allegazzjoni li hu insolenta lil Nicky Azzopardi hija gidba.

Pullicino Orlando qal li hu kien qiegħed fi stabbiliment fir-Rabat flimkien ma' wliedu, meta kien Azzopardi li mar fuqu u beda jinsulenta lilu u lit-tfal tiegħu. Huwa saħaq li hemm numru ta’ persuni li jistgħu jixhdu dan.

JPO qal ukoll li Azzopardi għamel dan bil-għan li jipprovokah.

Aktar qabel:

Il-Partit Nazzjonalista talab lill-Pulizija biex tinvestiga l-imġieba ta’ Jeffrey Pullicino Orlando u Franco Debono u lil dawk kollha li wettqu aggressjoni fuq Nicky Azzopardi, li huwa student tal-liġi u mpjegat mal-uffiċju tal-Informazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija l-PN spjega kif Nicky Azzopardi safa’ mgħajjar minn Jeffrey Pullicino Orlando u Franco Debono. Azzopardi kien ukoll aggredit u msawwat minn numru ta’ persuni mhux magħrufa.

Il-każ seħħ kmieni dalgħodu fir-Rabat ta’ Malta meta allegatament JPO u Franco Debono użaw kliem mhux xieraq fil-konfront ta’ Azzopardi u lil kull minn jappoġja lill-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalsita kkundanna din l-imġieba u ddeskriva dak li ġara llum bħala prova li Pullicino Orlando u Debono mhumiex denji li jservu fil-karigi pubbliċi li kienu maħtura fihom mill-Gvern Laburista.