Il-PN jitlob lill-PM biex jieqaf jinsulta l-intelliġenza tan-nies

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Prim Ministru biex jieqaf jinsulta l-intelliġenza tan-nies.
Fi stqarrija, il-PN qal li r-reazzjoni tal-Partit Laburista għas-sejħa tal-Oppożizzjoni għar-riżenja tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg hi insult mill-bidu sal-aħħar.
Il-PN stqarr li l-PL jippretendi li Ian Borg ma jerfax ir-responsabbiltà għax skont hu, il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni ma sabitx illegalità.
Madanakollu saħaq li l-fatti juru li l-Ombudsman sab li Ian Borg akkwista permess tal-MEPA bit-tbażwir u li l-MEPA ma kellha qatt toħroġ il-permess.
L-Oppożizzjoni tenniet li se tkompli tinsisti li Borg jerfa’ r-responsabbiltà politika u jirriżenja.
Esprimiet ukoll it-tama li Ian Borg ma reġax beda jibni farmhouse f’Wied Santa Katerina fir-Rabat qisu xejn mhu xejn.