Il-PN jitlob lill-PAC jinvestiga lill-MFSA

Read in English.

ll-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, flimkien mal-Kelliem għall-Ġustizzja u Governanza Tajba Mario de Marco u l-kelliema għall-Oppożizzjoni għall-Ekonomija, s-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazzjoni Kristy Debono kitbu liċ-Chairperson tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament (PAC) u talbuh jinvestiga żewġ rapporti li dehru fil-midja. Dawn ir-rapporti kienu jinkludu għoti ta’ flus biex jintemm kuntratt ta’ mpjieg ta’ wieħed mill-ħaddiema tal-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA).

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li fl-ewwel każ il-flus ingħataw lill-persuna li ftit ġimgħat wara ngħata mpjieg ma’ entità oħra li kienet tifforma parti mill-MFSA. Huma qalu li l-istess persuna kien responsabbli mit-tim tar-Riżorsi Umani u dan qajjem diversi mistoqsijiet dwar l-użu tajjeb tal-fondi pubbliċi u tat-tmexxija tajba.

Fit-tieni każ il-Gvernatur tal-MFSA ppreżenta protest ġudizzjarju kontra l-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri. Il-Gvernatur akkużah li qed jabbuża mill-fondi pubbliċi.

Fl-istqarrija l-Oppożizzjoni kompliet li min-naħa tagħha tikkundanna dan l-aġir. Żiedet li l-kontabilità titlob li tinġarr responsabilità politika ta’ dan l-abbuż u talbet biex dawn il-każijiet jiġu investigati u diskussi b’mod urġenti mill-Kumitat Parlamentari għall-fondi pubbliċi.