Aġġornata: Il-PN jitlob li jiġu sospiżi ż-żidiet fil-pensjoni tal-MPs; il-Gvern jaċċetta

Il-Gvern aċċetta l-proposta tal-Partit Nazzjonalista biex iwaqqaf milli jdaħħal pensjoni għall-Membri Parlamentari wara leġislatura waħda.
Il-Gvern qal li fin-nuqqas ta’ kunsens, il-Gvern se jirtira dawn l-emendi u mhux se jkompli bil-proċess li jindirizza dawn l-anomaliji fil-liġi.
Il-PN fi stqarrija nnota b’sodisfazzjon li l-Gvern segwa l-appell tal-Kap tal-Oppożizzjoni biex il-pensjoni tan-nies tiġi l-ewwel.
Aktar kmieni, l-Partit Nazzjonalista talab lill-Gvern biex jissosspendi l-aħħar aġġornament fil-pensjoni tal-Membri Parlamentari li permezz tiegħu id-deputati kienu se jieħdu pensjoni wara li jservu fil-Parlament għal leġislatura waħda.
Ħabbar dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta llejla fil-Parlament indirizza lill-midja bid-deċiżjoni tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Delia qal li talab lill-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar biex jinforma lill-Gvern bid-deċiżjoni li ttieħdet illum fil-Grupp Parlamentari.
Qal ukoll li l-Grupp Parlamentari tlaqqa wara li sema' dak li qed jgħidu n-nies, iġifieri kummenti kontra li l-Membri Parlamentari jieħdu pensjoni wara l-ewwel leġislatura. 
Talab ukoll biex issir diskussjoni dwar il-futur tal-pensjonijiet għan-nies.
Reazzjoni tal-PD
F’reazzjoni għal dan, il-Partit Demokratiku qal li wara li espona l-kollużjoni bejn il-PN u l-PL, il-PD iħoss li ħalla liż-żewġ partijiet mingħajr għażla. Il-partit iddeskriva dan bħala rebħa għaċ-ċittadini Maltin.
Skont il-PD, fl-4 ta’ Marzu kellha tiġi diskussa r-riforma fil-pensjonijiet. Intqal li d-dibattitu seta’ jieħu sa’ sagħtejn u nofs, però spiċċa wara 23 minuta.
Il-PD qal li ż-żewġ deputati tiegħu ħarġu mill-Parlament. Żied jgħid li ħadd ma qalilhom li kien se jkun hemm dibattitu fuq l-abbozz tal-pensjonijiet.