Aġġornata: Il-PN jitlob lill-Gvern jippubblika l-kuntratt tal-Korsa tal-Marsa; il-Gvern jgħid li se jippubblika l-ftehim

Il-Partit Nazzjonalista (PN) qed jitlob lill-Gvern sabiex jippubblika l-kuntratt tal-ftehim bejn il-Gvern u l-kumpanija li se tieħu taħt idejha l-Korsa tal-Marsa u l-inħawi għal 65 sena.
Il-PN kien qed jikkwota aħbar żvelata minn The Malta Independent on Sunday, li żvela kif is-sid ta’ din il-kumpanija, Hugh Morshead, huwa wkoll wieħed mis-sidien ta’ Henley & Partners, dik li tieħu ħsieb il-bejgħ tal-passaporti Maltin.
Morshead għandu kważi tliet kwarti tal-ishma mill-100,000 li hemm fil-konsorzju li se jieħu l-korsa.
Bl-argument li Henley & Partners mhumiex fl-industrija ta’ avvenimenti sportivi, kif ukoll li l-kumpanija li l-Gvern iffirma l-kuntratt magħha twaqqfet eżatt dakinhar li seħħ l-iffirmar, il-PN enfasizza li dil-kumpanija m’għandhiex l-esperjenza biex tmexxi l-Korsa tal-Marsa.
Barra minn hekk, qal il-PN, sid il-kumpanija involut ukoll f’allegazzjonijiet ta’ skandli marbuta mal-bejgħ taċ-ċittadinanza.
Temm l-istqarrija tiegħu billi qal li l-Gvern għandu jippubblika l-ftehim b’mod immedjat u effettiv, f’gieħ it-trasparenza u s-sewwa.
“M’għandi l-ebda problema biex nippubblika l-ftehim” – Gvern
F’reazzjoni, is-Segretarjat Parlamentari għall-Isport qal li m’għandu l-ebda problema li jippubblika l-ftehim li sar bejn il-Gvern u l-konsorzju.
Qal li dan il-proġett se jara li dawk li jagħmlu użu mill-korsa taż-żwiemel fil-Marsa, fosthom id-dilettanti tat-tiġrijiet tat-trott u tal-galopp, tal-logħob tal-polo u ta’ sport ekwestri ieħor, jibqgħu jgawdu mid-drittijiet kollha li diġà jgawdu minnhom, filwaqt li se tittejjeb il-faċilità b’manutenzjoni aktar professjonali u fl-istess waqt se jiżdiedu l-premji tat-tiġrijiet taż-żwiemel.
Kompla jgħid li għall-kuntrarju ta’ dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni, li l-investituri huma spekaluturi tal-bini, il-ftehim jorbot lill-investituri li l-bini kollu għandu jkun relatat mal-isport.
“Il-PN meta se jippubblika l-fatturi foloz tal-iskema pagi tal-PN” -PL 
Il-Partit Laburista qal li minkejja li mhux il-prassi tas-soltu dan il-Gvern ippubblika l-ftehim tal-Korsa taż-Żwiemel tal-Marsa.
Qal li dan il-Gvern diġa’ ppubblika wkoll il-kuntratti maġġuri kollha.
Żied jgħid li dan jikkuntrasta mal-aġir tal-Partit Nazzjonalista li għadu ma ppubblikax il-fatturi foloz tal-iskema pagi tal-Partit Nazzjonalista.
Staqsa meta l-PN se jippubblika l-fatturi.
Ritratt: Arkivji – Ian Noel Pace