Il-PN jitlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-estensjoni f’San Vinċenz

L-Oppożizzjoni qed titlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-kuntratt għat-tmexxija tal-estensjoni ta’ San Vinċenz, permezz tat-tliet membri fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi Beppe Fenech Adami, Kristy Debono u Claudio Grech. Fl-istess waqt il-Partit Demokratiku irreġistra kwerela formali biex tinfetaħ investigazzjoni dwar l-istess każ.

Skont stqarrija li ħareġ il-Partit Nazzjonalista, dan qed isir biex jiġi ċċarat u stabbilit xi proċedura ntużat għat-tmexxija ta’ din l-estensjoni fil-kumpless tal-anzjani f’San Vinċenz. Dan minħabba li dehru xi artikli fil-midja lokali li qalu li joint venture privat ingħata direct orde ta’ €274 miljun mill-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali biex titmexxa estensjoni ta’ 500 sodda li għad trid tinbena f’San Vincenz.

Il-Partit Nazzjonalista qal li d-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) kien irribatta kummenti magħmula mis-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u l-Anzjani, Anthony Agius Decelis li pprova jagħti l-impressjoni li n-notifika li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern kienet żbaljata min-naħa tad-DOI. Id-Dipartiment tal-Informazzjoni iżda kien ippreċiża li xogħlu huwa li jippubblika l-informazzjoni mibgħuta mill-Ministeri u entitajiet pubbliċi u hekk għamel f’dan il-każ.