Il-PN jitlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga indħil fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi

Il-Partit Nazzjonalista talab lill-Awditur Ġenerali jinvestiga indħil fl-għoti ta' kuntratti pubbliċi. Fi stqarrija, l-Oppożizzjoni talbet lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-proċess tal-għażla ta' ditta t' avukati biex jagħti pariri legali fil-proċess tas-sejħa għall-espressjonijiet ta' interess fl-għoti ta' żewġ liċenzji ta' casinos. Dan wara li allegatament il-Ministru Chris Cardona ammetta li ntervjena b'mod dirett u ordna tibdil fir-riżultat finali ta' dan il-proċess.

L-Oppożizzjoni sostniet li l-Ministru Cardona nduna li ma kellux il-poter biex iwettaq dan it-tibdil u għalhekk talab lill-Ministru tal-Finanzi biex jissanzjona d-deċiżjoni tiegħu billi injora għal kollox il-proċess li kien sar u talab l-approvazzjoni għal direct order lill-kumpanija tal-għażla tiegħu.