Waħda mill-proposti li resqet l-Oppożizzjoni sabiex jiġu ssalvagwardjati l-Kunsilli Lokali hija li l-laqgħat tal-Kunsill isiru bil-magħluq u jibqgħu jiġu trażmessi live.
Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta lista ta’ 17-il proposta lill-Gvern rigward il-Kunsilli Lokali sabiex dawn ukoll ikollhom struttura biex il-coronavirus f’Malta ma jkomplix jinfirex. Fi stqarrija ffirmata mill-Whip u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Kunsilli Lokali, Robert Cutajar u l-President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali PN (KKLPN) u Kordinatur Kunsilli Lokali PN, Charles Bonello, ġie spjegat li dan sar waqt laqgħa mal-Ministru José Herrera.
Il-proposti tal-PN dwar il-laqgħat huma:
- Kunsilli Lokali li għandhom il-laqgħat skedati għall-gimgħat li ġejjin, isejħu laqgħa b’urġenza u jkunu eżenti milli jagħmlu punt wieħed fuq l-aġenda sabiex jiddiskutu fil-qosor u japprovaw dawk il-materji li huma urġenti bħal eż. il-ħlasijiet.
- Il-laqgħat tal-Kunsill għandhom ikunu qosra kemm jista’ jkun u l-laqgħat imsejħa għandhom ikunu mill-inqas possibbli;
- Meta tissejjaħ il-laqgħa tal-Kunsill, mal-mejda għandhom ipoġġu biss numru ta’ kunsillieri biżżejjed kemm jinżamm il-quorum.
- Il-Kunsilliera mal-mejda jkunu ġejjin minn partiti differenti iżda dejjem b’rispett lejn il-maġġoranza.
- Il-laqgħat tal-Kunsill għandhom isiru bil-magħluq iżda jibqgħu jiġu trażmessi live.
- Il-laqgħat tal-Lokalità li huma skedati li jsiru sal-15 ta’ April jiġu posposti sakemm joħroġ avviz ieħor mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali.
- Għandha tiġi kkunsidrata jekk l-Uffiċċji tal-Kunsilli Lokali għandhomx jibqgħu jinfetħu nhar ta’ Sibt.
- Dan kollu sakemm jirrispetta d-direttivi li jinħarġu mid-Dipartiment tas-Saħħa liema direttivi għandhom jissuperaw dawk li joħroġ id-dipartiment.
Il-proposti tal-PN dwar l-uffiċċji huma:
Għandna naraw li l-Kunsilli Lokali jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa
sabiex nassiguraw is-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ħaddiema tal-Kunsilli Lokali;
- Li l-pubbliku jitħeġġeġ sabiex kemm hu possibbli jikkomunika mal-Kunsilli l-Lokali bit-telefon jew permezz tal-media so1jali jew elettronika.
- Li fluUffiċċju tal-Kunsilli Lokali jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha sabiex filwaqt li l-pubbliku jibqa’ jiġi moqdi, l-ħaddiema jħossuhom siguri u li huma protetti.
- Li safejn possibbli, l-pubbliku jiġi moqdi minn wara lqugħ bħal eż. minn wara l-ħġieġ.
- Li l-Kunsill Lokali jikkanċellaw kull attività li tinvolvi lill-pubbliku u jħeġġu lill-għaqdiet tal-lokal jagħmlu l-istess.
- Li l-Gvern jalloka fondi speċjali sabiex jagħmel tajjeb għal spejjeż żejda li l-Kunsill se jidħol fihom minhabba dawn il-miżuri.
- L-uffiċċji tal-Kunsilli Lokali għandhom tal-inqas jiħu maħsula / diżinfettati darbtejn kuljum.
- Il-Kunsilli Lokali għandu jkollhom sanitizers biżżejjed kemm għall-pubbliku kif ukoll għall-istaff.
- Dak kollu li japplika għall-Kunsilli Lokali japplika għar-Reġjuni.
Fl-istqarrija l-kelliema qalu li l-Gvern informa lil dawk preżenti li kien se jikkunsidra dak li pproponiet l-Oppożizzjoni. Qal li fejn hemm bżonn se jkun qed joħroġ avviż legali sabiex jidħlu fis-seħħ il-proposti.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.