Il-PN jitlob investigazzjoni fuq allegat abbuż mill-Pulizija

Il-Partit Nazzjonalista se jagħmel talba uffiċjali lill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data sabiex jinvestiga kif il-Pulizija akkwistat il-logs tat-telefonati fil-każ li jikkonċerna l-arrest ta’ Daryl Luke Borg.

Id-Deputat Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u l-Kelliem għall-Intern Jason Azzopardi kkwotaw lill-Kummissarju tal-Pulizija u l-Uffiċjal Legali tal-Korp, fejn fit-tweġibiet tagħhom qalu li l-Pulizija talbu dawn il-logs skont artikli tal-liġi, li jikkonċernaw biss reati gravi, meta fi kliemhom dan ma kienx il-każ.

Iż-żewġ kelliema Nazzjonalisti għamlu referenza għal każ li jmur seba’ snin fejn il-Pulizija kienet talbet il-logs tat-telefonati f’każ li jikkonċerna l-ħruq tad-dar tal-artikolista Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija.

Dakinhar is-servizz providers ma kienux aċċettaw li jgħaddu l-logs u l-każ kien spiċċa l-Qorti.

Jason Azzopardi kkwota dak li kien qal l-Imħallef Philip Sciberras dwar dan il-każ, fejn kien sostna li jekk tixxekkel il-kunfidenzjalita’ taċ-ċittadini l-pajjiż isir stat polizjesk u totalitarju.

Beppe Fenech Adami qal li dan il-Gvern qed jikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u jispjuna fil-ħajja privata tan-nies.

Sostna li kollox jidher li l-Korp abbuża mill-poter biex akkwista informazzjoni dwar telefonati fuq persuna.

Jason Azzopardi qal li l-Oppożizzjoni mhix se tħalli lil min jimmina l-libertajiet li iġġieled għalihom il-Partit Nazzjonalista mill-Gvern.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, l-kelliema Nazzjonalisti qalu f’dan l-isfond jekk jirriżulta dawn in-nuqqasijiet m’għandhomx aktar fiduċja fil-Kummissarju preżenti tal-Pulizija, Peter Paul Zammit.