Aġġornata (2): Tinfetaħ inkjesta indipendenti dwar il-ħtif tat-tfal Ġermaniżi

L-Imħallef Philip Sciberras inħatar mill-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali biex imexxi inkjesta indipendenti dwar il-każ tal-ħtif tat-tfal Ġermaniżi.
It-tfal ittieħdu minn Malta lejn il-Ġermanja minn żewġ social workers Ġermaniżi madwar ħmistax ilu.
Fi stqarrija l-Ministeru qal li wara li sema’ d-dikjarazzjoni tal-Qorti, informa lill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali dwar investigazzjoni indipendenti li se ssir apparti dik li qed issir mill-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.
B’referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, il-Ministeru qal li qatt ma’ eskluda li ssir investigazzjoni dwar dan il-każ. 
Intant il-Partit Nazzjonalista laqa’ b’sodisfazzjon li l-Gvern ordna li ssir inkjesta indipendenti 
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista taħdem biex l-affarijiet isiru sew f’pajjiżna u wera s-sodisfazzjon li l-Gvern sema’ t-talba tiegħu.
Il-PN ħeġġeġ biex l-Imħallef Philip Sciberras jingħata l-informazzjoni kollha li tintalab.

Aktar kmieni

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru għandu jordna li tinfetaħ inkjesta indipendenti dwar il-ħtif taż-żewġt itfal Ġermaniżi.
Il-PN qal li għalkemm il-Ministru Michael Farrugia, li huwa responsabbli mill-Aġenzija Appoġġ, qed jinsisti li l-investigazzjoni ma ssirx, il-Gvern għandu mill-aktar fis jiddetermina l-fatti kollha wara dak li qalet il-Qorti dwar l-istess Aġenzija.
Fi stqarrija il-PN qal li dan “jista’ jkun riżultat tal-ħatriet politiċi li għamel il-Gvern” għax fl-aħħar xhur il-FSWS li fi ħdanha hemm l-aġenzija appoġġ “bdiet titmexxa minn politiku u mhux minn espert fil-qasam.”