Il-PN jitlob biex il-mozzjoni ta’ co-option ta’ Jean Pierre Debono tiġi posposta

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-Uffiċċju tal-Ispeaker irċieva komunikazzjoni mill-Partit Nazzjonalista li titlob li l-mozzjoni għall-co-option ta’ Jean Pierre Debono li kellha titressaq għada fid-9 am tiġi posposta.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-PN ġie rikjest iressaq it-talba tiegħu bil-miktub.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li fid-Dar Ċentrali tal-PN, Jean Pierre Debono ntalab jirtira n-nomina tiegħu għal post fil-parlament. Huwa mifhum li sal-ħin tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu, Debono qed jirreżisti dan.

Aktar kmieni, il-Kumitat Reġjonali għal Għawdex tal-PN talab lit-tmexxija tal-PN biex id-deċiżjoni tal-eżekuttiv dwar Debono titħassar għax David Stellini ivvota fl-elezzjoni mingħajr ma kellu dritt jagħmel dan.

Nulla l-elezzjoni ta’ Jean Pierre Debono – Il-Kumitat tal-PN f’Għawdex

Aktar tard, l-eks President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN Mark Anthony Sammut fuq Facebook qal li la Stellini u lanqas it-teżorier tal-PN David Camilleri ma kellhom dritt jivvutaw.

Sammut qal li s-siġġu parlamentari ta’ Għawdex mhux biss insteraq minn Għawdex imma li nsteraq b’qerq.